Friday, March 20, 2020

#Ħsibijiet (18): Patt Soċjali kontra l-#Coronavirus

Malta teħtieġ Patt Soċjali kontra l-coronavirus. 

Il-Parlament u l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) għandhom jiddiskutu f'konsultazzjoni wiesgħa biex fejn hemm bżonn jitjieb il-pakkett finanzjarju li ppropona l-Gvern iktar kmieni din il-ġimgħa. Bl-istess mod, għandu jkun hemm konsultazzjoni wiesgħa għall-aspetti oħra li jintlaqtu mis-sitwazzjoni preżenti, fosthom diversi realtajiet soċjali. 

F'dan il-mument storiku u ta' inċertezza, jeħtieġ li jkun hemm l-ikbar kunsens possibbli u 'sense of ownership' għad-deċiżżjonijiet nazzjonali, fejn il-pajjiż jagħmel l-almu tiegħu biex ħadd ma jibqa' lura.

Dan il-patt jeħtieg djalogu strutturat li jikkonsisti mill-parir espert, il-pluralita' ta' vuċijiet soċjali u kritika kostruttiva fejn hemm bżonn.  B'hekk, it-teħid tad-deċiżjonijiet ikun sar bl-iktar mod infurmat u trasparenti f'parametri demokratiċi.  

Fl-istess ħin, importanti li l-messaġġ ta' l-Awtorita' tas-Saħħa jasal f'kull rokna ta' pajjiżna u ma jiġix imfixkel minn fake news, sensazzjonaliżmu jew protagoniżmu.

Ejjew inkunu soċjeta' waħda fil-gwerra kontra l-coronavirus.