Wednesday, March 18, 2020

#Ħsibijiet (17) - #Coronavirus - Soċjeta' Waħda

Dawn iż-żminijiet huma ta' diffikulta' għal kulħadd. Ma nafux kemm ser nibqgħu f'din is-sitwazzjoni u ma nafux kif ser tiżvolġi. Qisna qed ngħixu gwerra inviżibbli.

F'mumenti storiċi bħal dawn nemmen li l-Gvern, l-Oppożizzjoni, il-Korpi Kostitwiti u s-soċjeta' ċivili fis-sens wiesgħa tagħha (volontarjat, akkademja, għaqdiet non-governattivi eċċ) għandhom jaħdmu flimkien permezz ta' struttura wiesgħa li tista' tinkorpora fost oħrajn il-Parlament, l-MCESD u l-MEUSAC fil-parametri tad-demokrazija Maltija.

Dan mhux żmien ta' slogans li jiġu sparati bl-addoċċ, b'nuqqas ta' evidenza, fuq il-media soċjali. Huwa żmien fejn il-parir professjonali, kemm mediku kif ukoll dak f'oqsma bħax-xjenzi soċjali huwa ta' importanza kbira sabiex il-Gvern jasal għall-aħjar deċizzjonijiet possibbli, kemm mediċi kif ukoll soċjo-ekonomiċi.

Għandu jkun hemm deliberazzjoni u djalogu strutturat sabiex bħala soċjeta' waħda infasslu flimkien il-politika meħtieġa għal din is-sitwazzjoni u fejn kulħadd jagħmel il-parti tiegħu f'sens ta' ġustizzja soċjali.

Tislima lil dawk li qegħdin fir-ringiela ta' quddiem fil-ġlieda kontra l-coronavirus.