Wednesday, March 25, 2020

#Ħsibijiet (20) #Coronavirus - Il-Patt Soċjali jista' jkun iktar inklussiv

Il-miżuri ekonomiċi li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela l-bieraħ huma pożittivi u għandhom l-appoġġ ta' l-isħab soċjali msieħba fl-MCESD. Jolqtu lis-setturi meqjusa bħala l-iktar milqutin mill-impatt tal-Coronavirus u jipprovdu injezzjoni ekonomika importanti kontra riskji imminenti.

Iżda hemm setturi li għalkemm mhux milquta bl-iktar mod dirett, xorta qed jesperjenzaw inċertezzi u diffikultajiet. Hemm ħaddiema b'xogħol prekarju, ħaddiema full-time u part-time, self-employed u imprendituri li forsi m'għandhomx rappreżentanza daqshekk b'saħħitha fl-MCESD. Għalhekk tajjeb li l-Gvern jisma l-vuċi tagħhom ukoll. 

Tajjeb li l-Gvern jikkunsidra proposti bħal dik ta' l-Oppożizzjoni dwar traħħis fil-kont tad-dawl u l-ilma u li jinvestiga realtajiet soċjali (u mhux neċessarjament ekonomiċi) ta' gruppi u persuni li m'humiex daqshekk viżibli fuq il-meżżi tax-xandir jew fil-kuruturi tal-poter. 

Filwaqt li huwa mportanti li l-Gvern ikun għaqli bil-fondi pubbliċi u li jipprattika politika ta' saħħa ibbażata fuq l-evidenza, huwa tajjeb ukoll li l-Gvern jaddotta metodi fejn jiżgura l-messaġġ jasal u li ħadd ma jibqa lura fil-gwerra kontra l-coronavirus. Hawhekk, l-evidenza soċjali għandha rwol importanti ħafna.

Għalhekk, nerġa ntenni li patt soċjali għandu jikkonsisti minn proċess kontinwu fejn il-Gvern, l-Oppożizzoni, is-Sħab Soċjali, is-Soċjeta' Ċivili fis-sens wiesgħa tagħha u l-esperti jaħdmu flimkien permezz ta' istituzzjonijiet bħall-Parlament, MCESD, MEUSAC, l-Universita', l-istituzzjonijiet Ewropej u globali u l-WHO. 

Jista' jkun hemm think tanks nazzjonali li jiddeliberaw u jipproponu dwar oqsma varji. B'hekk il-patt soċjali ikun iktar inklussiv.