Sunday, March 15, 2020

#Ħsibijiet (16) #Coronavirus, lockdown u komunikazzjoni

Qed naqraw ħafna opinjonijiet dwar x'għandu jagħmel il-Gvern dwar il-Coronavirus. Hemm opinjonijiet ta' korpi kostitwiti, politiċi, esperti f'oqsma varji, u oħrajn ta' min hu inqas espert iżda forsi iktar ħerqan li jidher fuq il-facebook. Hemm ukoll opinjonijiet u mġieba li mhux neċessarjament qed ikunu riflessi fuq il-media soċjali. Personalment, nippreferi noqgħod fuq parir espert milli nispara opinjoni fuq il-facebook.

F'dan ir-rigward, il-kollega Prof Victor Grech (li illum ġie ikkwotat fil-Malta Today) jagħti tagħrif importanti dwar il-kwistjoni tal-lockdown, f'kuntest fejn is-social distancing huwa pjuttost wiesgħa. Link: http://ithams.com/covid19/index.html


Essenzjalment, il-parir ta' Prof Grech hu li fl-assenza ta' vaċċin, aħjar ikun hemm miżuri iebsa iżda inqas estremi bħal social distancing, li jnaqqsu l-veloċita' tal-firxa tal-coronavirus b'mod li l-isptarijiet ilaħħqu mad-domanda, milli lockdown prematur  li jista' jwassal għall-ottimiżmu żejjed u firxa ġdida tal-virus iktar tard hekk kif is-sanzjonijiet jitneħħew. Grech jgħid li lockdown uffiċjali għandu jkun irrakomandat
mill-esperti u jitwettaq fl-iktar ħin opportun. 


Huwa importanti li
opinjonijiet oħra u differenti fuq din il-kwistjoni ikunu kwalifikati u bbażati fuq l-evidenza, u li l-Gvern itihom l-importanza li jixirqilhom. Qed nitkellmu dwar l-immaniġġjar tar-riskji, u mhux dwar bakketta maġika li ssolvi kollox jew kompetizzjoni ta' slogans.

Fl-istess ħin, il-komunikazzjoni uffiċjali ta' l-awtoritajiet għandha jkollha firxa kemm jista' jkun wiesgħa.  Għandha tkun miftiehma minn nies u gruppi differenti f'soċjeta' diversifikata, mhux biss minn dawk li għandhom ċertu livell ta' edukazzjoni, jew li jaraw it-televiżjoni, il-facebook, il-gażżetti, li jifhmu bil-Malti u li huma integrati fis-soċjeta'. Biex nagħti eżempju: L-awtoritajiet qed jikkomunikaw ma' turisti li qed iġibu ruħhom qisu xejn m'hu xejn? 


Il-ġlieda kontra l-Coronavirus, għalkemm medika, hi relatata ma' aspetti oħrajn bħal dawk komunikattivi, soċjali, ekonomiċi, politiċi u kulturali fost oħrajn. 

Dan għandu jkun żmien ta' għaqda nazzjonali u mhux ta' tfettieq, pika jew sensazzjonaliżmu.