Sociologist from Malta

Saturday, February 22, 2020

#Ħsibijiet (13)

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista offriet l-id tal-ħbiberija lill-Gvern Laburista biex id-deal dwar sptarijiet tal-poplu jitwaqqaf. Dan id-deal xejn ma jfuħ, u ġie kritikat minn setturi varji tas-soċjeta' Maltija. Il-Gvern għandu opportunita' li jaħdem għal kunsens nazzjonali dwar l-isptarijiet. U l-Oppożizzjoni, bħala l-uniku forza li tista tkun gvern alternattiv, qed twettaq dmirha fl-istituzzjonijiet bħall-Parlament u l-Qrati biex tiddefendi l-ġid komuni. F'dawn l-okkażjonijiet infakkar li l-għaqda ġġib is-saħħa.

Thursday, February 20, 2020

The PN reforms - Michael Briguglio

In my fortnightly column in the Malta Independent I discuss challenges being faced by the Nationalist Party in relation to its reform process.

You can read the article here:
https://www.independent.com.mt/articles/2020-02-20/blogs-opinions/The-PN-reforms-6736219802





Tuesday, February 18, 2020

#Ħsibijiet (12)

L-istħarriġ xjentifiku tal-Malta Today dwar it-tmexxija ta' Adrian Delia u dwar il-grupp parlamentari fiha statistika li għandha tingħata importanza. Turi b'mod ċar x'jaħsbu t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, anke skont kriterji demografiċi.

Nistieden lill-qarrejja jarawh minn dan il-link:
https://www.maltatoday.com.mt/news/data_and_surveys/100395/maltatoday_survey_adrian_delia_parliamentary_group_20200216#.Xkv_AG5Fw2w

Huwa ċar li l-ikbar tħassib li għandhom it-tesserati hu dwar in-nuqqas ta' għaqda fil-PN. Ir-riforma li qed iniedi l-Partit tipprovdi opportunita' biex l-għaqda tiġi pprattikata. Kif jgħidu bl-Ingliż, it takes two to tango, u għalhekk l-appell tiegħi huwa wieħed: Min jirrispetta d-demokrazija għandu jirrispetta r-rieda tat-tesserati u jagħmel l-almu tiegħu favur l-għaqda.

Għaqda ma tfissirx ħsieb wieħed, monolitiku. Tajjeb li jkun hemm ilħna differenti - u nemmen li dan hu valur pożittiv fil-PN, li wara kollox kien il-partit li kien it-tarka tad-dritt ċivili tal-pluraliżmu f'żminijiet oħra, meta bena koalizzjonijiet rebbieħa interni u esterni. Dawn huma essenzjali għal proġett politiku ta' suċċess.

Iżda l-ilħna iridu jaħdmu f'sens ta' djalogu u rispett. 'Agoniżmu' - fejn il-vuċijiet differenti jirrispettaw il-parametri, u mhux 'antagoniżmu' - fejn wieħed jara lill-ieħor bħala għadu. Nawgura li din ta' l-ewwel tiġi pprattikata minn kulħadd, u nemmen li din tista' tkun fis-seħħ fir-riforma.

Saturday, February 08, 2020

#Ħsibijiet (11)

Ir-riformi fil-Partit Nazzjonalista għandhom isiru fl-istrutturi demokratiċi tal-Partit u mhux fil-media soċjali jew f'xi forum jew sit ieħor. 

Inkella jkun hemm diżrispett lejn ir-rieda tat-tesserati (2017) u l-kunsilliera (2019) u jinħoloq preċedent li bihom kull elezzjoni u kunsill ġenerali interna jkollha defiċit ta' leġittimità. Min jixtieq Oppożizzjoni b'saħħitha jista' jkun tesserat u jipparteċipa f'dawn l-istrutturi. Hemm opportunità għat-tiġdid fil-proċess ta' riformi. 

Nawgura li r-riformi jsiru b'rieda tajba u b' deliberazzjoni, u mhux bil-gambetti u stalletti. 

Friday, February 07, 2020

#Ħsibijiet (10)

Is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista m'hijiex sabiħa. Mhux qed nirreferi biss għall-aħħar servej tal-Malta Today, liema servej ikkummentajt dwaru ftit tal-ġranet ilu permezz ta' blog ( https://mikes-beat.blogspot.com/2020/02/sibijiet-9.html )
Qed nirreferi ukoll għall-fatt li l-Partit wiret dejn finanzjarju kbir u li internament jinstab maqsum. Dawn iż-żewġ fatti inħassu ferm fl-elezzjonijiet Ewropej tas-sena l-oħra, u għenu biex il-PN tilef it-tielet siġġu.
Il-PN għandu Kap elett demokratikament fl-2017 u konfermat, demokratikament, fl-2019. Fl-istess ħin Adrian Delia m'għamilx inroads elettorali u l-PN qed ikompli jitlef l-appoġġ, għal diversita' ta' raġunijiet: Uħud minnhom huma relatati mat-tmexxija tiegħu, oħrajn huma relatati mal-fatt kif jibqa' jiġi trattat minn dawk li m'aċċettawx it-tmexxija tiegħu, u oħrajn huma esterni għall-partit.
Li jkollok Oppożizzjoni f'din is-sitwazzjoni mhux tajjeb kemm għal min jappoġġja lill-Partit kif ukoll għad-demokrazija tal-pajjiż.
Jekk il-kwisjtonijiet tad-dejn u tal-fazzjonaliżmu ma jiġux indirizzati - hu min hu il-Kap - diffiċli li l-PN jara titjib fis-sitwazzjoni tiegħu.
Forsi fazzjonijiet differenti jista' jkollhom rappreżentanza ekwa u xierqa fit-tmexxija tal-Partit. Hemm mekkaniżmi demokratiċi li jippermettu dan it-tip ta' proċess.
B'hekk, ikun hemm iktar skop biex kulħadd jaħdem għal għan wieħed.....

Sunday, February 02, 2020

#Ħsibijiet (9)

Is-servej tal-Malta Today għalija jfisser 3 affarijiet. 

  1. L-Oppożizzjoni għandha rwol kostituzzjonali li tgħasses lill-Gvern. Fl-istess ħin, messaġġ li jinsisti li kull ma jagħmel il-Gvern hu ħażin, minkejja ċerti bidliet pożittivi li għamel Robert Abela, hu messaġġ importanti għal demografija imdaqsa iżda ristretta, iżda li donnu għejja lil ħafna oħrajn. Dak li bl-Ingliż jissejjaħ 'overkill'. Forsi jkun aħjar li dak li hu tajjeb jingħad li hu tajjeb, u dak li hu ħażin, jingħad li hu ħażin. Biex inkun ċar, hemm ħafna policies popolari tal-PL li jistħoqqilhom kritika, u din tikkumplika l-affari. 
  2. Il-PN u l-elementi fi ħdanu għandhom jisimgħu iktar lill-ilħna varji li hemm fis-soċjetà. Dawn l-ilħna m'humiex kollha rappreżentati fuq il-media. Dan jirrikjedi varjetà ta' metodi professjonali għall-ħolqien ta' koalizzjoni wiesgħa li taspira tkun fil-gvern. 
  3. Il-PN hu propjetà tat-tesserati tiegħu, u ta' ħadd iktar. Is-'sense of entitlement', dik l-attitudni li tippretendi li għandha xi ċens perpetwu fuq il-Partit, jew li ma tagħrafx realtajiet soċjali, jew li ma taċċettax id-demokrazija jew lill-'oħrajn' fil-partit, taf taljena persuni li jistgħu jikkontribwixxu jew saħansitra jivvutaw lill-Partit. Minn naħa l-oħra, imġieba ta' rispett tirrikonoxxi x-xogħol ta' ħaddieħor, tagħraf il-limitazzjonijiet li wieħed jista' jkollu, tipprattika 'teamwork' u tħaddan in-nuqqas ta' qbil f'parametri demokratiċi. F'Partit li jaspira li jkun fil-Gvern kulħadd fi ħdanu għandu x'jikkontribwixxi, min ftit u min ħafna, min bħala politiku u min bħala attivist, tesserat, espert, ħaddiem. 

F'pajjiżna, il-PL għaddej minn mewġa ta' popolarita'. L-uniku alternattiva għall-gvern tal-PL huwa l-PN, u biex dan ikun rebbieħ, fost affarijiet oħra jeħtieġ koalizzjonijiet interni u esterni wesgħin, fejn ikun hemm djalogu, skambju ta' ideat, deliberazzjoni, rispett lejn id-demokrazija interna, kompromess u viżjoni: Politika kemm 'on the ground' kif ukoll b'programm li jaspira lill-maġġoranza. Biċċa xogħol iebsa, iżda min emmen li l-folja setgħet tinbidel f'istanzi storiċi fil-passat? 



#Ħsibijiet (8)

"Timxix quddiemi, għax naf ma nsegwikx. Timxix warajja, għax naf ma nwasslekx fejn trid. Kemm timxi maġembi u nkunu ħbieb." Kliem tad-deheb ta' Albert Camus.

Preskrizzjoni kontra l-assolutiżmu, il-politika li ma tismax, l-intolleranza, ġejja minn fejn ġejja. Għax kif kien jaf sew Camus, l-intolleranza taf tiġi ukoll minn dawk bilqegħda fuq pulpti ideoloġiċi, " komdi jieħdu kafè", jippriedkaw soluzzjonijiet totali f'isem xi ideoloġija jew oħra. L-istorja tgħallimna x'isarfu tali assolutiżmi. 

Iżda dan il-ħsieb ta' Camus jgħodd ukoll għall-ħajja ta' kuljum, fejn kif qal hu stess, għal bosta nies li tkun 'normali' hija sfida immensa. Imma teżisti t-tama, għaliex f'l-eqqel tax-xitwa wieħed jista' jsib ġewwa fih sajf invinċibbli, hekk kif jgħidilna l-istess Camus.