Tuesday, February 18, 2020

#Ħsibijiet (12)

L-istħarriġ xjentifiku tal-Malta Today dwar it-tmexxija ta' Adrian Delia u dwar il-grupp parlamentari fiha statistika li għandha tingħata importanza. Turi b'mod ċar x'jaħsbu t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, anke skont kriterji demografiċi.

Nistieden lill-qarrejja jarawh minn dan il-link:
https://www.maltatoday.com.mt/news/data_and_surveys/100395/maltatoday_survey_adrian_delia_parliamentary_group_20200216#.Xkv_AG5Fw2w

Huwa ċar li l-ikbar tħassib li għandhom it-tesserati hu dwar in-nuqqas ta' għaqda fil-PN. Ir-riforma li qed iniedi l-Partit tipprovdi opportunita' biex l-għaqda tiġi pprattikata. Kif jgħidu bl-Ingliż, it takes two to tango, u għalhekk l-appell tiegħi huwa wieħed: Min jirrispetta d-demokrazija għandu jirrispetta r-rieda tat-tesserati u jagħmel l-almu tiegħu favur l-għaqda.

Għaqda ma tfissirx ħsieb wieħed, monolitiku. Tajjeb li jkun hemm ilħna differenti - u nemmen li dan hu valur pożittiv fil-PN, li wara kollox kien il-partit li kien it-tarka tad-dritt ċivili tal-pluraliżmu f'żminijiet oħra, meta bena koalizzjonijiet rebbieħa interni u esterni. Dawn huma essenzjali għal proġett politiku ta' suċċess.

Iżda l-ilħna iridu jaħdmu f'sens ta' djalogu u rispett. 'Agoniżmu' - fejn il-vuċijiet differenti jirrispettaw il-parametri, u mhux 'antagoniżmu' - fejn wieħed jara lill-ieħor bħala għadu. Nawgura li din ta' l-ewwel tiġi pprattikata minn kulħadd, u nemmen li din tista' tkun fis-seħħ fir-riforma.