Sunday, February 02, 2020

#Ħsibijiet (9)

Is-servej tal-Malta Today għalija jfisser 3 affarijiet. 

  1. L-Oppożizzjoni għandha rwol kostituzzjonali li tgħasses lill-Gvern. Fl-istess ħin, messaġġ li jinsisti li kull ma jagħmel il-Gvern hu ħażin, minkejja ċerti bidliet pożittivi li għamel Robert Abela, hu messaġġ importanti għal demografija imdaqsa iżda ristretta, iżda li donnu għejja lil ħafna oħrajn. Dak li bl-Ingliż jissejjaħ 'overkill'. Forsi jkun aħjar li dak li hu tajjeb jingħad li hu tajjeb, u dak li hu ħażin, jingħad li hu ħażin. Biex inkun ċar, hemm ħafna policies popolari tal-PL li jistħoqqilhom kritika, u din tikkumplika l-affari. 
  2. Il-PN u l-elementi fi ħdanu għandhom jisimgħu iktar lill-ilħna varji li hemm fis-soċjetà. Dawn l-ilħna m'humiex kollha rappreżentati fuq il-media. Dan jirrikjedi varjetà ta' metodi professjonali għall-ħolqien ta' koalizzjoni wiesgħa li taspira tkun fil-gvern. 
  3. Il-PN hu propjetà tat-tesserati tiegħu, u ta' ħadd iktar. Is-'sense of entitlement', dik l-attitudni li tippretendi li għandha xi ċens perpetwu fuq il-Partit, jew li ma tagħrafx realtajiet soċjali, jew li ma taċċettax id-demokrazija jew lill-'oħrajn' fil-partit, taf taljena persuni li jistgħu jikkontribwixxu jew saħansitra jivvutaw lill-Partit. Minn naħa l-oħra, imġieba ta' rispett tirrikonoxxi x-xogħol ta' ħaddieħor, tagħraf il-limitazzjonijiet li wieħed jista' jkollu, tipprattika 'teamwork' u tħaddan in-nuqqas ta' qbil f'parametri demokratiċi. F'Partit li jaspira li jkun fil-Gvern kulħadd fi ħdanu għandu x'jikkontribwixxi, min ftit u min ħafna, min bħala politiku u min bħala attivist, tesserat, espert, ħaddiem. 

F'pajjiżna, il-PL għaddej minn mewġa ta' popolarita'. L-uniku alternattiva għall-gvern tal-PL huwa l-PN, u biex dan ikun rebbieħ, fost affarijiet oħra jeħtieġ koalizzjonijiet interni u esterni wesgħin, fejn ikun hemm djalogu, skambju ta' ideat, deliberazzjoni, rispett lejn id-demokrazija interna, kompromess u viżjoni: Politika kemm 'on the ground' kif ukoll b'programm li jaspira lill-maġġoranza. Biċċa xogħol iebsa, iżda min emmen li l-folja setgħet tinbidel f'istanzi storiċi fil-passat?