Friday, May 22, 2020

#Ħsibijiet (48) - Magħtab - Jinħtieġu studji u konsultazzjoni qabel deċiżżjonijiet politiċi

Il-Gvern donnu diġa' ddeċieda x'ser isir mil-Magħtab f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-immaniġjar ta' l-iskart. Filwaqt li huwa tajjeb li pajjiżna jipprova jtejjeb is-sitwazzjoni preżenti, huwa imperattiv li d-deċiżżjonijiet li jittieħdu jkunu trasparenti, ibbażati fuq evidenza, ikunu konformi mal-liġijiet Maltin u regoli Ewropej, u jkunu karatteriżżati minn konsultazzjoni wiesgħa. Din ta' l-aħħar m'għandiex issir biss mal-grupp selettiv ta' esperti maħtura mill-Gvern, iżda ukoll ma' l-Oppożizzjoni, kunsilli lokali, sħab soċjali, għaqdiet non-governattivi u esperti minn oqsma varji. M'għandiex tkun konsultazzjoni ta' darba, iżda waħda kontinwa u deliberattiva.  

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista illum fakkret lill-Gvern li skont ir-regoli Ewropej, il-politika tal-immiġġjar tal-iskart teħtieġ Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (SEA) u Stima tal-Impatt Ambjentali (EIS) qabel ma jsiru deċiżżjonijiet bħal dik tal-Magħtab. Fost affarijiet oħra, dawn jinkludu studji indipendenti u kunsiderazzjoni ta' siti alternattiva. 

Nittama li l-Gvern jilqa' dan il-parir kostruttiv u jagħti widen lill-bdiewa, residenti u stakeholders oħrajn li esprimew tħassib f'dan ir-rigward.  Ikun tajjeb ukoll li jsiru social impact assessments f'proċessi bħal dawn.