Sunday, May 31, 2020

#Ħsibijiet (52) Ċaw Ċaw tieni mewġa? Ippubblika l-evidenza, Prim Ministru

Fl-istess diskors fejn il-Prim Ministru Robert Abela qal li tista’ tiġi kkunsidrata amnestija għall-multi li weħlu n-nies f’dawn l-aħħar ġimgħat, l-istess Prim Ministru ipprova jżeblaħ lill-awtoritajiet, xjentisti, esperti u ħaddiema mediċi madwar id-dinja li qed iwissu dwar il-possibilita’ tat-tiena mewġa tal-Coronavirus.

Abela qal li l-istatistika turi b’mod ċar ħafna li l-COVID-19 hija warajna u issa beda perjodu kruċjali li permezz tiegħu ħa nirritornaw għal normalità sħiħa. Spjega li kull min qal li bir-rilaxx tal-miżuri se jkun hawn it-tieni mewġa, ingħata prova bil-fatti kemm kien żbaljat, u hekk se jerġa’ jiġri fil-ġimgħat li ġejjin.

Jekk il-Prim Ministru huwa daqshekk ċert li pajjiżna mhux ser ikollu tieni mewġa tal-Coronavirus, imissu jippublika l-evidenza (li ma tinkludix biss statistika li sservi l-argumenti tiegħu), il-pariri, ir-riċerka u l-minuti tal-laqgħat li wassluh għal din il-konklużjoni.

Sur Prim Ministru, argument ma jsirx b’saħħtu billi jiżżeffnu kliem dwar amnestiji u  baġit multi-miljunarju f’nofsu. Iżda forsi iktar konsultazzjoni, trasparenza u umilta' min-naħa tiegħek jgħinu biex ikollna serħan tal-moħħ.