Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, January 20, 2019

L-għoti ta' art pubblika - Michael Briguglio



Sa issa huwa ċar li l-mudell ekonomiku tal-gvern jiddependi ħafna minn proġetti aċċellerati ta' kostruzzjoni. Dawn jitfgħu l-flus fl-ekonomija, dan iwassal għal tkabbir u ċ-ċiklu politiku tal-gvern jibqa' għaddej.



Iżda dan kollu għandu prezz. L-impatt ambjentali u dak soċjali qed jingħataw importanza sekondarja u hekk ukoll qed jingħata ċ-ċiklu ekonomiku fuq medda itwal ta' żmien. Lil hinn miċ-ċiklu politiku attwali tal-gvern, Malta tista' ssostni ekonomija li taħtaf dejjem aktar art għal proġetti ta' żvilupp spekulattiv? U min iħallas it-taxxa għandu jiffinanzja dan kollu permezz tar-roħs enormi li qed jingħata lil ċerti żviluppaturi tal-art?



Il-proġett ta' żvilupp tal-Corinthia f'San Ġiljan huwa każ ieħor ta' dan. Il-Corinthia hija kumpanija ta' suċċess li hija l-aktar magħrufa għall-kontribut turistiku tagħha lill-ekonomija Maltija u lil hinn minnha. Ta' dan ta' min ifaħħarha, u tal-pjanijiet tagħha għall-ewwel lukanda ta' sitt stilel f'Malta. Iżda peress li l-pjanijiet tagħha jinvolvu art pubblika u l-iżvilupp ta' proprjetà immobbli, nistenna li l-interess pubbliku jingħata prijorità mill-gvern fin-negozjati tiegħu ma' din il-kumpanija privata.



Il-gvern kuntent li l-impatt tal-proprjetà immobbli fuq l-art ikkonċernata hu stmat li ser ikun id-doppju tad-daqs tal-art mibnija għal skopijiet ta' turiżmu? Il-gvern kuntent li qed jagħti roħs ta' €70 miljun lill-Corinthia għall-art ikkonċernata, meta din l-art ingħatat valur ta' €121.7 miljun minn Deloitte?



Il-gvern huwa daqstant ġeneruż man-nies tal-klassi medja u tal-klassi tal-ħaddiema li jħallsu t-taxxa, mal-pensjonanti, u ma' persuni li għandhom ħtieġa urġenti ta' akkomodazzjoni soċjali?



Nixtieq infakkar lill-qarrejja li f'Ottubru li għadda ktibt lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Bord ta’ Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat ta' Malta dwar proġett simili ta' żvilupp qrib ta' dan: il-proġett kontroversjali tad-DB f'Pembroke.



L-ittri tiegħi staqsew jekk il-gvern ta' Malta kienx qed iħares il-leġislazzjoni Ewropea u dik Maltija dwar l-għajnuna mill-Istat meta ddeċieda li jbigħ is-sit fejn kien l-Istitut għall-Istudji Turistiċi lill-iżviluppaturi għal €15-il miljun biss, meta l-pjan tal-gvern stess għaż-żona kien ta lill-art valur ta' €8,500 għal kull metru kwadru, li jammonta għal total ta' €204 miljuni għall-art involuta.



Il-Bord ta’ Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat għad irid iwieġeb għall-mistoqsijiet tiegħi. Il-Kummissjoni Ewropea wieġbet, bl-użu ta' lingwaġġ burokratiku li jgħin biex dak li jkun jifhem għaliex tant persuni qed isiru xettiċi dwar il-ħolma Ewropea.



Fi ftit kliem, il-Kummissjoni Ewropea qaltli li ma nistax nistaqsi mistoqsijiet bħal dawn sakemm m'inix kompetitur żvantaġġat. Allura ċ-ċittadini komuni ma għandhom ebda dritt jistaqsu lill-Unjoni Ewropea dwar għajnuna mill-Istat li tinvolvi art pubblika.



Iżda minnufih naħseb f'mistoqsija oħra. Min huma l-kompetituri żvantaġġati? U mhumiex jilmentaw għax huma wkoll ser jiksbu art pubbliku bi prezzijiet imraħħsa, bis-saħħa tal-gvern imma mħallsa minn dawk li jħallsu t-taxxa?



Dawn iż-żewġ proġetti huma l-aktar żewġ eżempji reċenti tar-relazzjoni simbjotika bejn il-gvern u l-iżviluppaturi l-kbar li jiddependu minn xulxin għat-tkabbir ekonomiku u l-appoġġ mill-Istat rispettivament, filwaqt li tiġi injorata kull prijorità oħra.



L-unika differenza hi li din id-darba, il-gvern kien ippospona r-reviżjoni tal-pjan għal Paceville eżatt qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali wara kritika qawwija mill-pubbliku.



Dak li qed joffri issa huwa agħar: l-għoti ta' art pubblika fuq bażi ad hoc - mingħajr regoli u skont il-bżonn.



Il-gvern ser jgħid lir-residenti mweġġa' li, bis-saħħa ta' dan l-iżvilupp, il-kunsilli lokali ser jingħataw flus mill-qligħ mill-ippjanar: madwar miljun euro fil-każ tal-iżvilupp tal-Corinthia.



Iżda dak li l-gvern forsi għandu jgħid ukoll huwa li minkejja l-bilanċ pożittiv nazzjonali, dan l-aħħar iddeċieda li jieħu €2 miljuni mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp mingħand kull wieħed mill-kunsilli lokali ta' San Ġiljan u Tas-Sliema mingħajr anqas biss indenja ruħu jikkonsultahom.



Ma għandix wisq tama li l-gvern ser ibiddel il-mudell ekonomiku tiegħu, iżda nsejjaħ lill-qarrejja biex jagħtu preferenza lill-Malta li jixtiequ meta jgħarblu dawn is-suġġetti.



 Dan l-artiklu deher fil-Mument, 20 ta' Jannar 2019

No comments: