Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, January 27, 2019

Insaħħu l-agrikoltura - Michael Briguglio



L-istatistika reċenti tal-Eurostat mhi inkoraġġanti xejn għas-settur agrikolu. Id-dħul fis-settur naqas b'9.4 fil-mija bejn l-2016 u l-2017, u naqas b'madwar terz mill-2010. Il-Finlandja u s-Slovenja għaddew minn tnaqqis simili għal dak f'Malta, iżda pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Irlanda u l-Litwanja kellhom żidiet impressjonanti li jvarjaw minn 20 sa 35 fil-mija.



Filwaqt li Malta u l-Irlanda huma l-uniċi żewġ stati membri tal-UE fejn il-forza tax-xogħol ma naqsitx tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-forza tax-xogħol agrikola ta' Malta hija t-tielet l-iżgħar fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, sitta fil-mija biss tal-bdiewa f'pajjiżna huma nisa - it-tieni l-anqas fl-Unjoni.



Statistika sinifikanti oħra tgħid li Malta kienet wieħed mill-pajjiżi tal-UE bi tnaqqis qawwi fit-tkabbir fl-investiment, bi tnaqqis medju ta' 6.8 fil-mija kull sena mill-2009.



L-organizzazzjoni mhux governattiva ambjentali Friends of the Earth ukoll tagħti data interessanti fir-rapport tagħha AgroKantina u permezz tas-sehem tagħha fil-proġett 'Citizen's CAP' (il-Politika Agrikola Komuni taċ-Ċittadin) ta' Friends of the Earth Europe, appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea.



Din id-data turi li hawn 19,000 bidwi, u l-għadd ta' dawk li jaħdmu full-time qiegħed jonqos. Erbgħin fil-mija tal-art ta' Malta bħalissa tista' tiġi kklassifikata bħala art agrikola. Sitta u sebgħin fil-mija tal-azjendi agrikoli Maltin huma mikro-azjendi, jiġiferi ta' daqs ta' inqas minn ettaru.



Tabilħaqq, il-Eurostat ifakkarna li s-sehem ta' azjendi agrikoli żgħar f'Malta huwa l-ogħla fl-istati membri kollha tal-UE (96.5 fil-mija). Dawn ikollhom daqs ta' anqas minn ħames ettari.



Friends of the Earth iżżid li 45 fil-mija tal-art agrikola tintuża għal uċuħ għall-għalf segwiti minn użi oħra bħall-agrikoltura għas-suq (16 fil-mija) u ġonna għall-kċina (12 fil-mija) rispettivament.



Sebgħa u ħamsin fil-mija tal-frott li jitkabbar f'Malta huwa għeneb, segwit mil-larinġ (12 fil-mija) u l-frawli (disgħa fil-mija). L-aktar 'ħaxix' popolari huwa t-tadam (17 fil-mija), segwit mill-patata (15 fil-mija) u oħrajn.



Meta nqisu t-tnaqqis imsemmi, il-kontribut ta' anqas minn tnejn fil-mija tal-prodott gross domestiku u bidliet soċjali oħrajn bħall-firxa urbana ta' Malta, għandna naqtgħu qalbna mill-agrikoltura? Nittama li le.



Jien tal-fehma li l-bdiewa jistħoqqilhom għajnuna u inċentivi sabiex ikollhom aktar setgħa u jgħinu fil-ħarsien tal-pajsaġġ Malti. Is-sħubija ta' Malta fl-UE kellha kemm tippreżenta sfidi kif ukoll tagħti opportunitajiet lis-settur, iżda l-gvern qiegħed jagħti l-importanza mistħoqqa lis-settur? Biex nagħti eżempju wieħed, għaliex twaqqfet ir-riforma tal-pitkalija?



Barra minn hekk, għaliex bosta bdiewa qed ikollhom spejjeż ogħla u anqas qligħ? Għaliex qed jiġu mċaħħda minn forom ta' assigurazzjoni pereżempju kontra bidliet fil-klima? Għaliex sikwit jiġu soġġetti għal kompetizzjoni inġusta u nuqqas ta' konsultazzjoni?



Wieħed mill-punti ta' diffikultà huwa l-fondi tal-UE. Xkiel burokratiku, żminijiet twal ta' stennija u n-nuqqas ta' għoti ta' prijorità lil dan il-qasam mill-gvern sikwit qed iżidu diffikultajiet li jistgħu jiġu evitati għall-bdiewa.



Jekk dawk li jfasslu l-politika jiddeċiedu li jagħtu l-importanza li jistħoqqilha lill-agrikoltura lokali, jistgħu jiġu introdotti għadd ta' riformi.



L-ewwel nett, il-politika tal-ippjanar għandha tħares l-art rurali u tħeġġeġ lill-bdiewa biex jużaw l-art għal skopijiet agrikoli minflok jiġu sfurzati jbigħuha għal użi oħra.



It-tieni, l-għarfien espert u l-għajnuna tekniċi għandhom jgħinu kemm lill-gvern kif ukoll lill-bdiewa fl-aħjar modi ta' applikazzjoni u użu tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali u fl-iżgurar ta' metodi agrikoli sostenibbli.



Il-gvern għandu wkoll iżid it-trasparenza fil-pitkalija, jissimplifika l-proċeduri burokratiċi, iwettaq stħarriġ estensiv tal-art u jagħti lill-bdiewa l-possibbiltà li jkollhom it-titolu legali fuq l-art sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal opportunitajiet ta' finanzjament. Il-gvern għand jagħti inċentivi wkoll għall-użu sostenibbli tal-ilma u t-trattament xieraq tal-annimali.



Malta teħtieġ ukoll riformi li jħeġġu l-aċċess tal-bdiewa żgħażagħ għas-suq, u li jsaħħu proċessi ta' politika aktar parteċipatorji biex jinstemgħu l-ilħna tal-bdiewa, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili fil-qasam.



Fuq livell Ewropew, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) ukoll teħtieġ riforma. Minn perspettiva Maltija, nemmen li punt importanti li għandu jissemma hu l-ispeċifiċità ta' gżejjer żgħar u azjendi agrikoli żgħar. Dan għandu jitqies fil-proċess ta' politika, għax inkella l-PAK ser tibqa' xxaqleb favur negozji agrikoli kbar.



Huwa veru li l-agrikoltura tirrappreżenta persentaġġ żgħir tal-prodott gross domestiku, iżda l-kontribut strateġiku tagħha għas-soċjetà Maltija huwa imprezzabbli. Dan hu qasam ieħor fejn hemm ħtieġa urġenti ta' kunsens politiku.



 Dan l-artiklu deher fil-Mument, 27 ta' Jannar 2019

No comments: