Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, January 06, 2019

Ħidma tal-volontarjat mal-ħabsin – Michael Briguglio


Dan l-aħħar kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ Mark Vella mill-Prison Fellowship Malta, waħda mill-għadd żgħir ta’ organizzazzjonijiet li huma involuti fil-ħidma għall-ġid tal-ħabsin. Hija affiljata ma’ Prison Fellowship International, organizzazzjoni reliġjuża li taħdem biex tgħin fil-ħtiġijiet psikosoċjali u spiritwali tal-ħabsin.

Ilha attiva għal dawn l-aħħar 25 sena u għandha diversi funzjonijiet.

Waħda minnhom hija żjarat lil ħabsin li ma għandhom lil ħadd iżurhom fil-ħabs. Oħra, l-Angel Tree Club tagħha, tinvolvi għajnuna lit-tfal li għandhom ġenituri l-ħabs. Hija involuta wkoll f’laqgħat spiritwali fil-ħabs, kampanji edukattivi fost tfal tal-iskola u studenti għall-prevenzjoni tal-kriminalità, id-donazzjoni ta’ affarijiet lill-ħabsin u l-iżgurar li jittieħed ħsieb ta’ dawk li joħorġu mill-ħabs. Il-Prison Fellowship tilqa’ wkoll lill-voluntiera li jixtiequ jingħaqdu mal-missjoni tagħha.

Biex nagħrfu l-valur ta’ dawn l-inizjattivi, irriu ninvestigaw il-kuntest usa’ tal-politika dwar il-ħabsijiet f’Malta.

Pereżempju, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, prattikament ma tingħata ebda għajnuna lil dawk li kienu ħabsin meta dawn joħorġu mill-ħabs biex iħabbtu wiċċhom ma’ dinja ġdida bħala individwi iżolati u waħidhom. Dan qaluhuli bosta professjonisti fil-qasam tul dawn l-aħħar snin u kien ukoll sejba ewlenija ta’ teżi tas-soċjoloġija li kont superviżur tagħha xi snin ilu.

Biss ftit jiem ilu, l-għada tal-Milied, l-istazzjon tat-televiżjoni nazzjonali TVM ġibed l-attenzjoni għal din il-problema permezz tal-istorja ta’ Roderick Brincat, li, wara li temm is-sentenza tiegħu ta’ ħames snin u nofs ħabs, ma kellu mkien fejn imur. Hu qal li kien hemm mumenti fejn xtaq imur lura l-ħabs biex għallinqas ikollu fejn jistkenn.

Hu ħareġ mill-ħabs seba’ snin ilu iżda għad ma għandux fejn jgħix u għadu jbati l-ġuħ. Jittama li l-lezzjonijiet tal-arti li ngħata fil-ħabs ser jgħinu biex jagħtuh is-setgħa jibni ħajja aħjar, iżda dan hu diffiċli.

Malta ma tistax tippermetti li xi ex-ħabsin jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, li oħrajn jispiċċaw bla flus, u li xi wħud saħansitra jispiċċaw jiddependu minn netwerks ta’ kriminalità għax ma għandhom imkien iżjed fejn iduru.

Dan jispjega parzjalment ir-rata ferm għolja ta’ reċidiviżmu fil-ħabsijiet ta’ Malta, fejn huwa rrappurtat li madwar 66 fil-mija tal-persuni li qegħdin il-ħabs bħalissa diġà kienu skontaw sentenza ta’ ħabs qabel, waħda mill-ogħla rati fid-dinja, u fejn 17 fil-mija ta’ dawk li xi darba kienu l-ħabs huma reċidivisti, bl-aktar raġuni komuni għal dan tkun l-abbuż mid-droga, u warajha in-netwerks soċjali tagħhom.

Huwa importanti wkoll li nkunu konxji li l-istudji jikkonfermaw li l-kriminalità interġenerazzjonali hi kemxejn komuni f’Malta. Din hi imġiba kriminali li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra fi ħdan l-istess familja.

Sadanittant, il-gvern ippropona riforma tal-ħabsijiet, li tinkludi l-kunċett ta’ sistema ta’ privileġġi miksuba u tagħti drittijiet lill-ħabsin skont l-imġiba tagħhom. Filwaqt li naqbel li r-responsabilità tal-persuna għandha titqies fil-politika dwar il-ħabsijiet, id-drittijiet bażiċi tal-ħabsin dejjem għandhom jiġu ggarantiti, u s-sistema ta’ premji għandha tkun trasparenti, tiġi analizzata b’mod indipendenti u tkun tassew meritokratika.

Barra minn hekk, l-ammont mogħti lill-ħabsin għandu jiġi mistħarreġ biex jiġi żgurat li jkun tassew biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom mill-ewwel jum tagħhom fil-ħabs.

Nemmen ukoll li l-investiment fil-politika tal-prevenzjoni tal-kriminalità għandu jiżdied u jkun aktar imsejjes fuq il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-ħabsin. Għandha tingħata prijorità kemm lill-edukazzjoni akkademika kif ukoll dik vokazzjonali flimkien ma’ ħiliet bażiċi tal-ħajja bħal kif tkun ġenitur tajjeb u kif timmaniġġa l-flus. Għandha ssir aktar enfasi fuq l-isport u x-xogħol imħallas, u jeħtieġ li jingħata aktar valur lill-ħidma ta’ prattikanti fil-qasam, fosthom ħaddiema professjonali, akkademiċi u voluntiera.

Problema oħra li qed tikber hi ż-żieda fl-għadd ta’ ħabsin barranin li ma jkollhom ebda rabtiet soċjali f’Malta. Xi wħud ma jitkellmu la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż u jkunu prattikament waħidhom fil-ħabs. L-għajnuna minn voluntiera ta’ rieda tajba li jkunu lesti jqattgħu ħin ma’ dawn il-ħabsin għandha tkun forma apprezzata ta’ integrazzjoni soċjali.

Fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess tas-sistema tal-ħabsijiet ta’ Malta tiddependi minn x’tip ta’ ħabs nixtiequ li jkollna. Għandu jkun sempliċiment post ta’ kastig, jew għandu jgħin lill-ħabsin jirriformaw rwieħhom, u b’hekk jgħinhom isiru ċittadini aħjar li jistgħu jintegraw fis-soċjetà ladarba jkunu pattew għal għemilhom? Jien nemmen fit-tieni alternattiva, u għal din ir-raġuni nirringrazzja lil organizzazzjonijiet bħall-Prison Fellowship għall-ħidma altruwista tagħhom fil-qasam. Nappella lill-qarrejja biex jagħtu daqqa t’id lil dawn l-organizzazzjonijiet, anke permezz ta’ donazzjoni żgħira.

(Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn https://www.facebook.com/prisonfellowshipmalta/ )

 Dan l-artiklu deher fil-Mument, 6 ta' Jannar 2019

No comments: