Friday, May 01, 2020

#Ħsibijiet (33) Il-miżuri l-ġodda

L-istatiska medika dwar il-Coronavirus f'Malta tibqa' nkoraġġanti, u għandna għal xiex inkunu kburin. J'alla is-sitwazzjoni tkompli titjieb sa kemm jinstab vaċċin. 

Sa dan it-tant, ilum il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi  minn nhar it-Tnejn, il-Gvern se jibda jnaqqas miżuri restrittivi relatati mal-Coronavirus, fejn fost oħrajn numru ta' stabbilimenti kummerċjali se jerġgħu jiftħu.

Naħseb li hemm pressjonijiet differenti, fosthom dawk mediċi, ekonomiċi, politiċi u soċjali rispettivament, fejn il-Gvern, bħal kull gvern ieħor f'dinja reali, irid jibbilanċja interessi varji fil-politika tiegħu.  

Iżda l-Gvern naqas milli jagħti spjegazzjoni dwar kif wasal għad-deċiżjoni ekonomika. 

Bħala soċjologu ma nemminx li l-policies għandhom ikunu għaġġelin. Faċli tippriedka soluzzjonijiet maġiċi, iżda l-politika hi ferm iktar ikkumplikata minn hekk, iktar u iktar f'sitwazzjoni li ħadd ma kien lest għaliha. 

Nemmen li l-policies għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza u d-deliberazzjoni. 

Fil-kas tal-miżuri ekonomiċi u soċjali fil-konfront tal-Coronavirus, nemmen li jkun aħjar jekk ikun hemm proċess kontinwu ta' deliberazzjoni bejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni, is-sħab soċjali, l-esperti u s-soċjeta ċivili fis-sens wiesgħa tagħha, milli jkollna sempliċiment konferenza stampa.  

B'hekk jista' jkun hemm iktar parteċipazzjoni, skrutinju u fiduċja fid-deċiżżjonijiet li jittieħdu f'din is-sitwazzjoni straordinarja u mingħajr preċedent.