Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, August 19, 2018

Taħt il-ħarsa tat-turist – Michael Briguglio



Malta mhijiex l-uniku pajjiż fejn qed jiżdiedu t-turisti. Din iż-żieda qed isseħħ madwar id-dinja kollha. Matul l-2017, kien hemm 1.3 biljun wasla ta’ turisti madwar id-dinja, u 51 fil-mija għażlu pajjiżi Ewropej bħala d-destinazzjonijiet tagħhom. Kien hemm żidiet fit-turisti f’diversi pajjiżi, iżda dik fl-Iżlanda kienet l-aktar spettakolari. Din kellha żieda ta’ 230 fil-mija fit-turisti bejn l-2012 u l-2017.



Ejjew nagħtu ħarsa lejn xi wħud miċ-ċifri marbutin ma’ Malta pprovduti mill-Awtorità tat-Turiżmu. B’kollox 2.3 miljun turist żaru l-gżejjer Maltin fl-2017, żieda ta’ 16 fil-mija fuq l-2016 u kważi d-doppju tal-1.2 miljun turist li żaru Malta fl-2009. In-nefqa tat-turisti u l-iljieli li qattgħu f’pajjiżna żdiedu b’14 fil-mija u 10 fil-mija rispettivament meta mqabbla mal-2016, bl-akbar għadd ta’ turisti ġejjin mir-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja u Franza rispettivament.



Tlieta u sebgħin fil-mija tat-turisti kienu qed iżuru lil Malta għall-ewwel darba, u kien hemm bilanċ bejn turisti li għażlu vjaġġi b’kollox inkluż u turisti li ppjanaw il-btala tagħhom waħidhom. Min-naħa l-oħra, 67 fil-mija tat-turisti qagħdu f’akkomodazzjoni kollettiva bħal lukandi, filwaqt li 33 fil-mija għażlu akkomodazzjoni privata.



Ir-raġunijiet ewlenin għaliex it-turisti għażlu lil Malta kienu x-xemx u l-kultura rispettivament, u l-biċċa l-kbira tat-turisti taw reazzjoni pożittiva dwar l-esperjenza tagħhom f’Malta. B’rabta ma’ dan, wieħed jista’ jżid li t-turiżmu jista’ jgħin ukoll biex jitrawmu attitudni miftuħa u sens ta’ kburija fis-soċjetajiet lokali.



Fl-2017, madwar 11,000 ħaddiem kienu impjegati direttament full-time fis-servizzi turistiċi u madwar 6,000 kienu jaħdmu fit-turiżmu fuq bażi part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom. Ħafna oħrajn kienu impjegati indirettament bħal fl-amministrazzjoni pubblika u l-banek.



L-ekonomisti ma jaqblux dwar il-kontribut tat-turiżmu għall-ekonomija Maltija, iżda wieħed jista’ jgħid b’ċerta kunfidenza li dan il-kontribut huwa qrib it-12 fil-mija tal-prodott gross domestiku. Dan jista’ jitkejjel billi l-ewwel wieħed isir jaf kemm jonfqu t-turisti u mbagħad inaqqas il-prodotti u s-servizzi li jiġu importati minn barra, u dak li jifdal huwa l-kontribut għall-prodott gross domestiku.



Fl-2017 in-nefqa totali tat-turisti qabżet €1.9 biljun, li minnhom madwar 30 fil-mija ntefqu fuq importazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi, u b’hekk tħallew madwar €1.3 biljun fl-ekonomija.



Madankollu, issa sirna nafu li ma nistgħux inkejlu l-impatt ta’ settur ekonomiku sempliċement billi nħarsu lejn iċ-ċifri finanzjarji. F’destinazzjonijiet turistiċi bħal Barċellona, Mallorca u Venezja l-opinjoni pubblika daret kontra l-ħarsa tat-turist li qed tibdel lokalitajiet f’parks ta’ divertiment, u dan sikwit iwassal għal problemi soċjali u ambjentali għar-residenti u prezzijiet ogħla għall-prodotti u s-servizzi. Forsi Malta għandha tniedi indikatur tal-ħobża biż-żejt biex ikejjel u jqabbel il-prezzijiet ta’ dan l-oġġett tal-ikel fi żminijiet u postijiet differenti.



F’Malta nafu li t-turiżmu hu settur ekonomiku ferm importanti, iżda min-naħa l-oħra r-residenti spiss ikollhom ibatu l-konsegwenzi ta’ problemi bħar-rimi ta’ skart ma’ kullimkien u l-iffullar. F’lokalitajiet bħal Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan, is-Swieqi u San Pawl il-Baħar ir-residenti sikwit jirrappurtaw għajjat, storbju tard bil-lejl u skart eċċessiv.



Il-mixi max-xatt u fuq il-bankini sar tassew diffiċli f’ċerti postijiet, u hu saħansitra aktar diffiċli għal persuni b’diżabilità, persuni anzjani u ġenituri bi tfal żgħar u pushchairs. Bosta drabi l-kunsilli lokali ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma’ dawn il-problemi, u l-fatt li l-gvern ħa f’idejh għadd ta’ responsabbiltajiet li qabel kienu f’idejn il-kunsilli lokali ma jgħinx.



Il-fenomenu tal-linji tal-ajru bi prezzijiet baxxi għen biex jiżdied l-għadd ta’ turisti, u għamel is-safar aktar aċċessibbli għal miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Iżda d-destinazzjonijiet turistiċi huma mgħammra għal żidiet bħal dawn? Xi bliet u pajjiżi qed jintroduċu miżuri biex jirregolaw it-turiżmu b’mod aktar sostenibbli.



Hawn Malta, il-mudelli ta’ ppjanar tagħna mhumiex olistiċi. L-irduppjar f’għaxar snin tal-għadd ta’ turisti ġie impost fuq infrastruttura li hi magħmula għal numri ħafna iżgħar. Hawnhekk mhux qed nirreferi biss għat-toroq u l-bankini iżda wkoll għat-trattament tad-dranaġġ, is-servizzi tal-isptar, it-trasport pubbliku u prodotti u servizzi pubbliċi essenzjali.



Barra minn hekk, il-mudell ekonomiku ta’ Malta bħalissa hu msejjes fuq iż-żieda fil-popolazzjoni li tirriżulta mill-importazzjoni tal-ħaddiema. Għal darb’oħra, huwa ċar li qed nagħtu aktar importanza lin-numri u lill-aċċellerazzjoni milli lill-kwalità u lill-kawtela.



Huwa veru li għandna nagħtu valur lill-prodott turistiku tagħna, iżda ejjew ma nħallux l-effetti negattivi tiegħu jirbħu lil dawk pożittivi.



Dan l-artiklu deher fil-Mument, 19 ta' Awissu 2018

No comments: