Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Saturday, August 11, 2018

In-nazzjonaliżmu u l-migrazzjoni – Michael Briguglio



Ir-riżultati elettorali fil-Punent juru biċ-ċar li n-nazzjonaliżmu hu sors ewlieni għall-identità ta’ bosta votanti. Iżda t-terminu ‘nazzjonaliżmu’ ma għandux tifsira waħdanija: jista’ jkun ispirazzjoni daqstant għal dawk li jemmnu f’soċjetà msejsa fuq is-solidarjetà u l-ġid komuni daqskemm hu għal dawk li jemmnu f’soċjetà allinjata ma’ identità waħda, sew jekk reliġjuża, kulturali jew ideoloġika.

Bla dubju, il-migrazzjoni hija kwistjoni soċjali u politika ewlenija madwar l-Ewropa. Stħarriġ xjentifiku soċjali wara ieħor jikkonferma li n-nies madwar il-kontinent huma mħassbin dwar din il-kwistjoni. Ikun irresponsabbli jekk il-politiċi u dawk li jfasslu l-politika jinjoraw dan, għalkemm dan ma jfissirx li hemm biss mod wieħed kif tiġi indirizzata l-kwistjoni. Barra minn hekk, ma nemminx li teżisti soluzzjoni maġika sempliċi għal kwistjonijiet kumplessi bħal dawn.

Sadanittant, il-partiti politiċi li qed jużaw lingwaġġ qawwi ta’ esklużjoni f’dan il-qasam qed jieħdu vantaġġ minn mewġa ta’ skuntentizza f’pajjiżi madwar l-Ewropa. Saħansitra fl-Iżvezja, sikwit meqjusa bħala l-aktar pajjiż favorevoli għar-refuġjati fid-dinja, il-Partit Demokratiku populista bħalissa qiegħed fil-quċċata ta’ kull stħarriġ li qed isir. Ir-riżultati tal-elezzjonijiet nazzjonali li saru dan l-aħħar fl-Italja, l-Awstrija, l-Ungerija u pajjiżi oħrajn jagħtuna idea ċara ta’ x’għandna nistennew fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin sakemm ma jitfasslux strateġiji politiċi aktar effettivi elettoralment.

Madankollu hemm eċċezzjonijiet għal din ix-xejra: Emmanuel Macron u Angela Merkel  huma l-eżempji li wieħed minnufih jaħseb fihom, avolja Merkel il-ħin kollu qed tħabbat wiċċha ma’ appelli għal politika aktar iebsa dwar il-migrazzjoni. Il-loġika tan-numri parlamentari tfisser li sikwit ikollha tilħaq kompromess dwar il-pożizzjonijiet tagħha, pożizzjonijiet li oriġinarjament ikunu orjentati aktar lejn is-solidarjetà.

Fl-istess waqt , xi esperti fix-xjenza politika sabu li meta partiti moderati taċ-ċentru f’pajjiżi bħall-Italja u l-Ġermanja adottaw pożizzjoni aktar iebsa dwar il-migrazzjoni meta mqabbla mal-pożizzjonijiet li kellhom qabel, dan xorta waħda ma waqqafx lill-partiti populisti milli jmorru tajjeb fl-elezzjonijiet. Iżda dan ifisser li l-partiti taċ-ċentru għandhom jagħmlu bil-kontra u sempliċement jinjoraw it-tħassib tan-nies dwar il-migrazzjoni? Nemmen li dan kieku jagħti opportunitajiet saħansitra akbar lill-populisti.

Għalija, ix-xenarju attwali jfisser li n-nazzjonaliżmu għandu jiġi artikolat b’mod politikament produttiv li jagħti valur lis-solidarjetà u lid-dinjità tal-bniedem. Naħseb li dak li għandu jsir hu li jintuża lingwaġġ li jesprimi tfittxija għal-libertà u l-ġid komuni kemm permezz ta’ jeddijiet kif ukoll permezz ta’ responsabbiltajiet fi ħdan in-nazzjon b’mod partikolari u l-UE b’mod ġenerali. Dan in-nazzjonaliżmu ma għandux ikun assoċjat esklużivament ma’ identità waħda bl-esklużjoni ta’ oħrajn: għall-kuntrarju għandu jiddefinixxi l-ġid komuni b’mod li jippermetti li persuni ġejjin minn ambjenti differenti jistgħu jkunu parti mis-soċjetà jekk in-normi bażiċi jitħarsu.

Din l-għamla ta’ patrijottiżmu għalhekk ma tkunx marbuta ma’ kulur, razza jew twemmin. Tkun marbuta ma’ valuri bażiċi li jgħaqqdu lill-bnedmin, bħar-rispett u t-tolleranza. Tenfasizza l-ħtieġa li jkollna lingwaġġ komuni sabiex in-nies ilkoll ikunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom.

Tkun tagħti valur lil tradizzjonijiet tal-post filwaqt li tilqa’ t-tradizzjonijiet tal-persuni li jaslu fil-pajjiż, sakemm ikun hemm rispett miż-żewġ naħat u d-drittijiet stabbiliti tal-individwi ma jinkisrux.

Stili ta’ ħajja u kulturi li jippromwovu l-intolleranza, il-vjolenza u l-oppressjoni ma għandhomx jiffurmaw parti minn xenarju bħal dan.

Il-maġġoranzi kulturali, ideoloġiċi u politiċi jeħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi, hekk kif il-minoranzi jeħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet tal-maġġoranzi. Il-kuntrarju ta’ din l-għamla ta’ nazzjonaliżmu jkun sitwazzjoni fejn ikun hemm diversi forom ta’ fundamentaliżmu li jkunu wisq esklużivi jew ikunu jridu sitwazzjoni ta’ libertinaġġ mingħajr ebda normi u valuri li jorbtu lin-nies.

Ovvjament, l-implimentazzjoni ta’ politika bħal din mhijiex faċli. Fil-kuntest tal-UE, hu tassew diffiċli li jintlaħaq qbil dwar il-qsim tar-responsabbiltà għar-refuġjati, u kif inhuma l-affarijiet ma nistax nimmaġina soluzzjoni oħra għajr il-qsim volontarju tar-responsabbiltà permezz ta’ koalizzjonijiet ta’ pajjiżi ta’ rieda tajba.

Dan jitlob li l-istati membri jagħrfu li jridu jagħtu u mhux biss jieħdu mingħand xulxin, u li dawn ikunu lesti jgħinu lil xulxin u jimxu mal-valuri bażiċi Ewropej. Dan jeħtieġ ukoll approċċ ta’ aktar solidarjetà u ta’ għajnuna reċiproka ma’ pajjiżi terzi li jkunu għaddejjin minn kriżijiet umanitarji. Eżempju ta’ dan ikun assistenza b’riżorsi  u għajnuna bħala kumpens għall-irfigħ tar-responsabbiltà u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 12 ta' Awissu 2018


No comments: