Sunday, August 26, 2018

Lejn politika ta' konverżazzjoni - Michael Briguglio

Il-fatt li l-oġġettività u l-imġiba edukata qed isiru dejjem aktar skarsi f'xi taqsimiet tal-kummentarju politiku jsewwidli qalbi. F'kuntest ta' post-verità, xi drabi l-fatti jintużaw biss biex xi kummentaturi jikkonfermaw il-pożizzjonijiet li kellhom qabel, f'logħba ta' rebbieħa u telliefa fejn id-djalogu razzjonali jsir diffiċli.

Din mhijiex xi ħaġa ġdida fil-kultura Maltija. Id-diviżjoni binarja tagħna fil-politika, fil-festi, fil-lingwa u f'aspetti oħrajn ilha tul ta' żmien sew. Sa ċertu punt, dan huwa tajjeb għax jagħtina l-motivazzjoni biex nitjiebu. Iżda dak li jinkwetani huwa li l-għodod tal-komunikazzjoni, bħal Facebook u t-taqsimiet tal-kummenti tal-gazzetti fuq l-internet, sikwit jitniġġsu minflok b'kummenti tossiċi.

Din it-tossiċità kultant tinstab ukoll f'artikli, blogs u diversi għamliet ta' intervent politiku. B' 'politiku' ma nixtieqx infisser biss aħmar jew blu. Qed nirreferi aktar għall-perspettiva ta' 'aħna' u
'huma', fejn 'aħna' dejjem għandna raġun u 'huma' dejjem żbaljati, anke jekk il-fatti juru mod ieħor. Nistgħu nsejħulha konfoffa dwar dinja ċatta fil-politika Maltija. Din it-tossiċità taqsam kuluri, konfini, gruppi, partiti u fazzjonijiet differenti.

Il-protagonisti ta' tossiċità bħal din jinkludu wkoll trolls: persuni li jista' jkun li jużaw l-identitajiet reali tagħhom jew identitajiet foloz (jew it-tnejn) u li spiss jaqgħu f'insulti, lingwaġġ degradanti u, xi drabi, anke gideb, kontra dawk li huma jqisu għedewwa. Komunikazzjoni bħal din twassal biss biex jifqar id-djalogu. Il-bilanċ jintrema, il-kompromess jitqies dgħufija, u jirbaħ l-għoti ta' tort lil ħaddieħor.

Din it-tip ta' mġiba hija għamla oħra ta' bullying. U jrid jingħad li l-bullying fuq l-internet jista' jkun daqstant ħażin daqs il-bullying li qed insiru dejjem aktar konxji dwaru, pereżempju fl-iskejjel u l-postijet tax-xogħol.

Nemmen li dawk fostna li aħna attivi fil-politika, il-ġurnaliżmu, in-negozju, it-tfassil tal-politika u l-attiviżmu għandna d-dmir li niskoraġġixxu mġiba bħal din u minflok nagħmlu l-almu tagħna għal djalogu produttiv. Madankollu, din ir-responsabbiltà għandha tkun tas-soċjetà kollha: kull wieħed minna idealment għandu jagħti kontribut għal sitwazzjoni fejn il-komunikazzjoni tagħna ma tkunx imniġġsa b'tgħajjir, gideb, fabrikazzjonijiet u fundamentaliżmu.

Biex nimxu lejn sitwazzjoni bħal din, nistgħu nieħdu ċerti passi. Hawn taħt insemmi xi wħud minnhom.

L-ewwel nett, għandna nagħrfu li hemm perspettivi differenti u li jista' jkun hemm konverżazzjoni bejniethom. Biex din il-konverżazzjoni tkun tista' sseħħ, hija essenzjali l-umiltà. Xi wħud minna jista' jkollhom aktar għarfien dwar ċerti suġġetti minn oħrajn. Pereżempju, dentist x'aktarx ikollu aktar għarfien dwar il-kawża ta' uġigħ fid-dras milli tista' tagħtina tfittxija ta' tliet minuti f'Google. Bl-istess mod, persuna li studjat l-ippjanar urban probabbilment taf aktar dwar l-għeruq tal-problemi tat-traffiku minn kummentatur b'burdata ħażina wara li jkun weħel fit-traffiku. U mħallef normalment jagħmel aktar riċerka msejsa fuq l-evidenza dwar każ milli jagħmel xi ħadd li jkun qed iwieġeb mistoqsija f'vox pop.

L-umiltà tfisser ukoll li lkoll nagħrfu li għandna ħafna x'nitgħallmu u li ħadd ma għandu t-tweġibiet tajbin għall-mistoqsijiet kollha: li tkun espert f'qasam ma jfissirx neċessarjament li tifhem f'oqsma oħrajn.

Huwa wkoll ferm importanti li nisimgħu attivament. Li nisimgħu jfisser li tassew nagħtu importanza lil fehmiet oħrajn u mhux li jkollna tweġiba lesta tgħid x'tgħid il-persuna l-oħra. Jew, saħansitra agħar, li nistmerru l-messaġġier mhux minħabba l-messaġġ tiegħu iżda għax jinzerta mhuwiex parti mill-grupp tagħna. Għaldaqstant, huwa kruċjali li nżommu moħħna miftuħ qabel naslu għal deċiżjoni.

L-istil tal-komunikazzjoni tagħna wkoll huwa importanti ħafna. Ma hemm xejn ħażin li ma naqblux u dan jista' jsir mingħajr ma nduru għat-tgħajjir jew għal kummenti dispreġjattivi. Nistgħaġeb li aħna tant konxji dwar il-korrettezza politika iżda mbagħad ma niddejqu xejn ninsulentaw lill-avversarji politiċi tagħna, pereżempju permezz ta' elitiżmu klassist jew, min-naħa l-oħra, l-anti-intellettwaliżmu. Forsi lkoll neħtieġu xi lezzjonijiet fil-komunikazzjoni u l-etika bażiċi.

Nistgħu wkoll nippruvaw inkunu kostruttivi, insibu punti li naqblu dwarhom u nagħrfu li xi problemi u kwistjonijiet huma kumplessi ħafna u jinvolvu bosta aspetti differenti. Xi kultant il-mistoqsijiet ma jkollhomx tweġibiet sempliċi.

Forsi kollha kemm aħna nistgħu nibdew l-istaġun politiku li jmiss billi nippruvaw inġibu ruħna b'mod edukat u nkunu raġonevoli. Ejjew nibnu pontijiet, mhux ħitan. U ejjew inqisu li ma nitimgħux lit-trolls.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 26 ta' Awwissu 2018