Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, August 05, 2018

Ideoloġiji u kalkoli politiċi – Michael Briguglio


Stampa: The redundancy of ideology - Peter Davies, 2008
Kemm huma importanti t-tikketti ideoloġiċi? Xi wħud jargumentaw li fis-soċjetajiet likwidi tal-lum, l-ideoloġiji huma inutli daqs it-typewriters. Oħrajn jemmnu li l-pożizzjoni politika tagħhom hija dik oġġettiva u tajba, bil-kontra ta' pożizzjonijiet oħrajn li jsejħulhom ideoloġiċi, suġġettivi, u parzjali, fost l-oħrajn. Aġġettivi bħal dawn xi kultant jintużaw kemm minn liberali estremi li l-liberaliżmu tagħhom jinbidel f'awtoritarjaniżmu dogmatiku kif ukoll minn ultrakonservattivi li jonqsu milli jifhmu l-bidliet soċjali ta' żminijietna.



Billi jien eqreb tan-naħa liberali, ninsab kemxejn imħasseb minn dogmatiżmu ġdid li qed jiġi artikolat minn liberali estremi li jemmnu fi 'progress' inevitabbli li jeqred it-tradizzjonijiet li x'aktarx jistmerru. Huma jemmnu li l-istorja għandha tgħaġġel lejn id-direzzjoni ppreferuta tagħhom u li l-kritiċi huma sempliċement reazzjonarji li ma jridux jitilqu l-preġudizzji tagħhom.



Liberaliżmu estrem ta' din ix-xorta jiġi artikolat b'diversi modi. Pereżempju, il-progress ekonomiku jitqies inevitabbli jkunu x'ikunu l-konsegwenzi soċjali u ambjentali tiegħu. Il-politika dwar il-ġisem tissejjaħ ir-rebħa tal-identità u tat-teknoloġija anke jekk kritiċi jqajmu dubji dwar karatteristiċi naturali li ma jistgħux sempliċement jitħassru permezz ta' kostruzzjoni soċjali.



Bħal estremiżmu ieħor ta' kull xorta, il-liberaliżmu estrem jista' wkoll jiċħad il-kompromess, il-moderazzjoni u r-reqqa għax dawn jistgħu jfixklu l-"verità" assoluta tiegħu.



Dawk li jikkritikaw approċċ bħal dan jinkludu moderati kemm fuq in-naħa liberali kif ukoll fuq dik konservattiva. X'aktarx jargumentaw li s-soċjetà hija wisq imqanqla biex tqatta' ħin fuq djalogu riflessiv u biex tgħożż l-għerf li jista' jintiret mit-tradizzjoni. Fl-istess waqt, mhux it-tradizzjonijiet kollha għandhom jitqiesu siewja. Imma dan ma jfissirx li t-tradizzjoni għandha tiġi mistkerrha sempliċement għax tippromwovi kontinwità kostruttiva.



Fil-verità, hu min ikollu s-setgħa li jimplimenta pożizzjonijiet ideoloġiċi, minkejja li sikwit jiġi influwenzat minn fatturi oħrajn u konsegwenzi mhux intenzjonati. Jekk dawn l-ideoloġiji jkunux appoġġati minn evidenza jew minn konsultazzjoni olistika hija kwistjoni separata.



L-argument tiegħi ser nirfdu b'eżempji minn Malta. Il-gvern Laburista ġie elett demokratikament b'mandat ta' twettiq ta' bidliet soċjali, u l-maġġoranza parlamentari kbira tiegħu tagħtih il-kumdità li jibqa' jagħfas il-gass f'dan il-qasam. Aspett ewlieni tal-istrateġija tal-Partit Laburista hi li jħares l-impenji elettorali li għamel ma' gruppi speċifiċi anke jekk ikun hemm riperkussjonijiet fuq is-sostenibbiltà u l-ġid komuni.



Iżda sakemm dawn l-impenji ma' jolqtux l-interessi immedjati jew it-tħassib ta' gruppi oħrajn, jew jekk gruppi oħrajn jitqiesu anqas sinifikanti elettoralment mill-gruppi li jkunu qed igawdu mill-impenji tal-Partit Laburista, allura l-bidliet ikkonċernati jseħħu.



Jista' jingħad li din hi l-essenza tal-politika demokratika, u sa ċertu punt dan huwa veru. Iżda politika bħal din titlob ir-responsabbiltà, u r-responsabbiltà tfisser li jiġu evalwati l-forom differenti tal-impatt tat-tfassil tal-politika.



Ippermettuli nagħti xi eżempji. Għadd ġmielu ta' persuni qed jaqilgħu ħafna flus mill-politika laxka tal-ippjanar tal-gvern Laburista. Sulari żejda jistgħu jinkrew jew jinbiegħu, żvilupp fuq art ODZ jista' jwassal għal qligħ enormi, u standards baxxi fil-kostruzzjoni jnaqqsu l-ispejjeż. Dan kollu mbagħad jissarraf f'voti għall-Partit Laburista.



Il-persuni li huma kontra dawn il-prattiki jistgħu jisfaw rassenjati, jiġu konvinti jieħdu sehem fihom jew jista' jkun li huma parti mid-demografika ta' votanti li diġà ma jappoġġawx lill-Partit Laburista. Iżda politika bħal din hija responsabbli, meta l-pajsaġġ ta' Malta qed isir dejjem aktar imniġġes urbanizzat u ffullat?



Il-proċess ta' tfassil ta' politika tal-gvern Laburista dwar l-IVF u s-surrogacy huma każijiet oħra bħal dawn. Huwa veru li hemm fehmiet differenti dwar dawn il-kwistjonijiet, fosthom pożizzjonijiet esperti kontra xulxin, u hu veru wkoll li s-surrogacy ma ġietx inkluża fir-riformi reċenti tal-IVF.



Iżda l-gvern tassew qed jisma' ilħna u rakkomandazzjonijiet differenti? Meta wieħed jiftakar li kien il-Partit Nazzjonalista fil-gvern li introduċa l-IVF fl-2012, il-Partit Laburista seta' għamel aktar biex jintlaħaq qbil, jew minflok ta prijorità assoluta lill-pożizzjoni ideoloġika u l-kalkoli elettorali tiegħu?



Nemmen li hu normali li jkun hemm pożizzjonijiet ideoloġiċi differenti f'demokrazija liberali, u hija din id-diversità li tagħti l-ħajja lill-proċess demokratiku nnifsu. Iżda meta dawn il-pożizzjonijiet ma jinbidlux, minħabba kalkoli politiċi jew dogmatiżmu, ilkoll nifqaru minħabba nuqqas ta' djalogu.



Iva, il-Partit Laburista għandu maġġoranza parlamentari kbira u mandat b'saħħtu għal diversi riformi. Imma dan għandu jagħti aktar lok għal djalogu xieraq, konsultazzjoni komprensiva u analiżi bir-reqqa tal-evidenza, u mhux politika għaġġelija u supperva.



Dan l-artiklu deher fil-Mument, 5 ta' Awissu 2018. 












No comments: