Ftit jiem ilu
ċempilli pensjonant ta’ 80 sena. Kien inkwetat dwar l-impatt ta’ emendi legali
b’rabta mal-kera, li ser jirriżultaw f’żieda qawwija fl-ammont li jħallas kull
sena, minn 300 euro għal 1,500 euro.
Hemm ħafna
persuni oħra li jinsabu f’din is-sitwazzjoni, u mhux ta’ b’xejn li qed jiżdiedu
l-iżgumbramenti. Ir-riformi legali f’Malta, li xi wħud minnhom kienu wkoll
soġġetti għal deċiżjonijiet mill-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem, daħlu fis-seħħ is-sajf li għadda.
B’konsegwenza ta’
dan, is-sidien ta’ proprjetajiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi
l-qadima tal-kera jistgħu jressqu talba biex il-Bord tal-Kera jittestja
l-kapaċità ta’ dawk li qed jikru l-proprjetà mingħandhom li jħallsu l-kera.
Jekk jinstab li dawn ma jkollhomx il-mezzi u biżżejjed riżorsi biex isibu
akkomodazzjoni alternattiva, huma jkollhom id-dritt li jkomplu jgħixu
fil-proprjetà, bil-kundizzjoni li jibdew iħallsu lis-sidien sa tnejn fil-mija
ta’ kemm ikun il-valur tas-suq tal-proprjetà fl-1 ta’ Jannar tas-sena meta ssir
it-talba, kif ukoll kundizzjonijiet oħrajn li jista’ jiddetermina l-bord. Jekk
it-test tar-riżorsi finanzjarji tal-persuni li jikru jistabbilixxi li dawn ikollhom
biżżejjed riżorsi, l-emendi l-ġodda ma japplikawx u huma jkollhom iħallsu
d-doppju tal-kera u jitilqu mill-post fi żmien ħames snin.
Dan qiegħed
iwassal għal sfidi ta’ politika soċjali. Minn naħa, huwa ġust li s-sidien tal-proprjetà
jaqilgħu l-prezz ġust tas-suq għall-kera. U xi sidien ta’ proprjetà stess ma
għandhomx dħul għoli. Iċ-ċifri tal-gvern irrapportati fil-mezzi tax-xandir urew
li d-dħul mill-kera żdied minn €36.9 miljun fl-2014 għal €85.8 miljun fl-2017.
15.4% minn dan l-ammont mar għand in-nofs li jaqla’ inqas f’Malta, fejn fl-2011
kien biss 6.1%.
Iżda, min-naħa
l-oħra, huwa ċar li bosta sempliċiment ma jifilħux għall-prezzijiet li qiegħdin
jintalbu. Fost dawn hemm mhux biss l-anzjani li kienu jgawdu mil-liġijiet il-qodma
tal-kera, iżda wkoll oħrajn bħal dawk ta’ età iżgħar li qed jiġu mbuttati ‘l barra
mis-suq tal-kera u qed ikollhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom għax ma jistgħux
jagħmlu mod ieħor. Id-domanda akbar għall-proprjetà b’riżultat tal-importazzjoni
ta’ eluf ta’ ħaddiema qiegħda tikkontribwixxi għal prezzijiet li ħafna ma
jlaħħqux magħhom.
Sadanittant,
il-gvern naqas milli jipprovdi akkomodazzjoni soċjali f’dawn l-aħħar snin, u
l-lista ta’ persuni li jeħtieġu dan is-servizz jidher li hija ikbar minn dak li
l-gvern qiegħed iwiegħed li ser jipprovdi ladarba eventwalment jibni unitajiet
ta’ akkomodazzjoni għal dan il-għan.
Fl-istess waqt,
madankollu, it-taxxa fissa fuq id-dħul mill-kera introdotta fl-2014 ġabret €84
miljun f’erba’ snin. Fl-2017, l-aħħar sena sħiħa tat-taxxa, il-gvern daħħal €37.4
miljun minn din it-taxxa.
Tqum mistoqsija
loġika: il-gvern ma jistax iwarrab parti minn dan id-dħul biex jgħin lill-persuni
li ġenwinament ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet tal-kera?
Il-ġustizzja
soċjali titlob ġustizzja kemm għas-sidien tal-proprjetà kif ukoll għal dawk li
jikru mingħandhom. Meta bosta persuni li jikru qiegħdin iħabbtu wiċċhom ma’
tbatija, wasal iż-żmien biex jintlaħaq kunsens politiku biex naċċertaw li Malta
tevita l-faqar fl-akkomodazzjoni.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 7 ta' April 2019