Tista’ tkun żagħżugħa li qalb
il-folol tħossha iktar waħidha. Anzjan magħluq bejn il-ħitan ta’ daru, jew nanna
li m’għandiex aċċess għan-neputijiet. Jista’ jkun ġenitur waqt it-tbatija ta’
separazzjoni, jew refuġjat li jagħmel l-almu tiegħu biex jintegra. Jew
saħansitra tifel jew tifla bla ħbieb.
Dawn
jistgħu
jinkludu ukoll
pensjonanti ġodda li qed iduqu
dinja ġdida u solitarja wara snin twal ta’ impjieg.
Jistghu jinkludu persuni
li qed jgħixu l-faqar u barranin minghajr familji jew ħbieb. Persuni anzjuzi dwar bidliet li qed jghixu:
fil-familja, fis-saħħa, fir-relazzjonijiet, fuq ix-xogħol u fis-soċjeta’ ta’ madwarhom. Jistgħu jinkludu vittmi
ta’ ibbulijar, sessiżmu, razziżmu u forom varji
ta’ disrkiminazzjoni. U jistghu jinkludu persuni li sempliċiment iħossuhom ‘stranġieri’. Saħansitra jista’ jkun hemm ukoll persuni li m’humiex
konxji jew attrezzati biex jiffaċċjaw kwistjonijiet
ta’ saħħa mentali.
Hemm
min iħossu waħdu għax m’għandux ma min igawdi l-festi. Hemm min hu waħdu minħabba raġunijiet ta’ saħħa mentali bħad-dipressjoni jew
anzjeta’. U eżempji bħal dawn jistghu
ikunu relatati ma’ xulxin.
Huwa importanti li nifmhu li s-soċjeta’ m’hijiex magħmula biss minn dawk li naqraw dwarhom fil-gażetti jew fuq facebook.
Meta
niddiskutu u nanaliżżaw dawn ir-realtajiet, tajjeb li ninnutaw li xi
kultant anke persuni assoċjati mal-poter
jistgħu ikunu dgħajfa u fraġli. Jeħtieg li s-soċjeta’ tagħna tinfetaħ iktar f’din il-materja. Hekk sar f’kwistjonijiet bħall-LGBTIQ: suġġett li kien taboo soċjali sar
wieħed prominenti fil-politika soċjali.
Il-politiċi, il-media u s-soċjeta’ ċivili għandhom rwol ewlieni biex iwassslu għarfien dwar
din il-materja. Jeħtieġ ukoll li fil-qasam edukattiv ikun hemm iktar
emfasi u vizibilita’. Diġa’ hemm min jaħdem f’dawn l-oqsma: minn għaqdiet bhall-Caritas u Richmond Foundation sa
l-mijiet ta’ counsellors, psikologi, psikjatri, social workers u care workers
li jaħdmu mingħajr trombi minn
wara l-kwinti.
Iżda nerġa nisħaq li jkun
tassew pass pożittiv jekk ikun hawn politika nazzjonali olistika li tiżgura governanza tajba f’dan is-settur.
Il-kontribuzzjoni ta’ entitajiiet pubbliċi, privati u
l-volontarjat jistgħu issaħħu l-komunitajiet.
Skejjel u kunsilli lokali għandhom ikollhm l-għodda u r-riżorsi
neċessarju biex ikunu protagonisti,
sabiex il-persuna tkun imħarrġġa f’kas ta’ bżonn u
sabiex is-soċjeta’ tkun iktar sensibbli għal dawn
ir-realtajiet.
Fl-akkademja,
hemm bosta suġġetti li jittrattaw dawn il-kwistjonijet: dawn is-suġġetti imorru lil’hinn mill-loġika tas-suq, iżda huma importanti ferm ghas-sisien tas-socjeta’.
Riċerka empirika tista’ toffri l-evidenza neċċessarja għal politika informata.
Għalhekk, nerġa
nappella sabiex il-ħidma politika tikkunsidra ukoll materji inqas sensazzjonali iżda li kemm il-darba jeżistu fil-hajja ta’ kuljum ta’ bosta nies.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 21 ta' April 2019