Sunday, April 28, 2019

Diskors, Kunsill Generali, 28 ta' April - Michael Briguglio

Ara l-filmat tad-diskors minn dan il-link: Agħfas hawn.

Kap,

M’aħniex baħħara tal-bnazzi

Fil-mumenti d-diffiċli lilna ssibna, u mhux biss meta jaqbel.

Jiġri x’jiġri f’25 ta’ Mejju, jien hawn ser nibqa, fil-PN, għax sibt dar akkoljenti.

Ħbieb tiegħi

F’dan il-kampanja twila għall-PE, komplejt bil-ħidma tiegħi favur l-ambjent u l-ġustizzja soċjali, bħal m’għamilt f’dawn l-aħħar 25 sena.

Dwar l-ambjent, ktibt lill-kummissjoni Ewropea dwar il-mod kif il-Gvern qed juża flusna biex jagħti l-art bic-cheap lill-izviluppaturi kbar tad-DB f’Pembroke.  

Issa faqqas ukoll il-kas Corinthia, u bħal ma dejjem għamilt, u mhux biss qabel l-elezzjoni, ser nibqa attiv biex l-art tagħna ma tintilifx.

MALTA IS NOT FOR SALE

Dwar l-enerġija, żvelajt kif minkejja l-pompa, l-Gvern ċaħħad lil-Għawdex minn fondi Ewropej għal enerġija nadifa, fejn lanqas biss indenja japplika għall-fondi speċifiċi għal gżejjer bħal Għawdex.

Dwar il-ġustizzja soċjali, ktibt lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Logħba noli mal-kummissjoni u l-awtoritajiet Maltin, iżda ftit tal-ġranet ilu l-Ombudsman qalli li lest li jinvestiga l-kontijiet li tibgħatulu.

Din hija l-politika ON THE GROUND. Politika viċin in-nies dejjem, u mhux biss qabel l-elezzjoni.

Dwar id-drittijet tal-bniedem, ktibt lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-teknoloġija li jrid juża l-Gvern biex ikollu dettalji privati tagħna. BIG BROTHER IS WATCHING YOU

Il-Kummissjoni tagħtni raġun u qalet li l-Gvern ma jistax jaqbad u jdaħħal din it-tip ta’ teknoloġija bl-addoċċ. Għalhekk qed niġri wara l-gvern biex ikun trasparenti.

Fil-Parlament Ewropew inżid dan it-tip ta’ attiviżmu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba.

Għax jien nemmen f’Ewropa li hi viċin tiegħek, viċin il-gżejjer żgħar, u mhux Ewropa tal-elites maqtugħa min-nies.

Għeżież ħbieb, forsi xbajtu minn politika mixtrija.

Forsi xbajt tara lil Malta tinbiegħ biċ-ċiċri biex igawdu l-ftit.

Forsi xbajt tara lil min jgħum fil-kiri filwaqt li oħrajn bilkemm ilaħħqu.

Forsi xbajt tara saltna ta’ konkos li qed teqred l-ambjent u l-wirt tagħna.

Jien ukoll.

Bħal ma dejjem kont, u mhux biss qabel l-elezzjoni, ser nibqa’ nitkellem favur il-ħaddiem, il-pensjonant, iż-żgħażugħa, in-negozjant, il-middle class, l-uffiċjal taċ-ċivil, l-edukatur u dawk kollha ta’ rieda tajba.

Ser nibqa’ nitkellem favur l-ambjent u l-ġustizzja soċjali.

Għalhekk, int li thossok minsi jistħoqqlok vuċi

 Inwiegħdek li l-vuċi tiegħek tinstema 

DEJJEM, U MHUX BISS QABEL L-ELEZZJONI

Għalhekk, nibqgħu naħdmu

FLIMKIEN GĦAL PAJJIŻNA