L-organizzazzjonijiet
volontarji huma pilastru importanti tad-demokrazija u s-soċjetà ċivili. Fost
dawn hemm organizzazzjonijiet involuti fl-assistenza soċjali għal persuni
fil-bżonn, karitajiet, organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-oqsma ambjentali u soċjali, assoċjazzjonijiet kulturali u
sportivi, u oħrajn.
Meta dan
is-settur ġie regolat uffiċjalment fl-2007 wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni
Ewropea, ħafna organizzazzjonijiet volontarji laqgħu din ir-riforma li tathom l-opportunità
li jingħataw għarfien formali u b’hekk ikunu jistgħu jkunu aktar effettivi
fil-ġbir ta’ fondi, fi proġetti, inizjattivi u attivitajiet oħrajn, kif ukoll
li jkunu jistgħu jgawdu minn finanzjament mill-istat u mill-UE.
Fl-istess waqt, xi
wħud urew tħassib li l-istituzzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet
volontarji tista’ twassal għal dipendenza żejda fuq il-gvern akkost
tal-indipendenza tagħhom. Madankollu, is-sentiment ġenerali qalb bosta
organizzazzjonijiet mhux governattivi kien li jkun aħjar li jirreġistraw
rwieħhom, u b’hekk intweriet fiduċja fil-kontrolli demokratiċi ta’ Malta.
Bħalissa, huma rreġistrati 1,300 organizzazzjoni mal-Kummissjoni.
Tnax-il sena wara, is-soċjetà ċivili għandha rwol ħaj u viżibbli fis-soċjetà Maltija. Fl-istess
waqt, madankollu, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji qed
iħabbat wiċċu ma’ sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati.
Il-Kummissjoni
teħtieġ aktar riżorsi f’dak li jirrigwarda persunal u fondi biex tkun tista’
taġixxi b’mod aktar effettiv biex tgħin lill-organizzazzjonijiet mhux
governattivi u twettaq monitoraġġ tagħhom.
Barra minn hekk,
il-Kummissjoni stess għandha bżonn aktar setgħa biex taqdi r-rwol tagħha.
Pereżempju,
il-Kummissarju Kenneth Wain, qabel ma ntemm il-perjodu tiegħu fil-kariga, kien
ikkritika mingħajr suċċess in-nuqqas ta’ ħarsien tal-liġi mill-Ministeru għal
Għawdex fil-finanzjament tiegħu ta’ organizzazzjonijiet li ma kinux
irreġistrati b’mod korrett jew ma kinux konformi mal-leġiżlazzjoni.
Aktar
reċentement, il-Kummissarju attwali Anthony Abela Medici appella mingħajr
suċċess lil bank biex dan ma jqiegħedx piżijiet sproporzjonati fuq
organizzazzjonijiet bħal dawn.
Ir-rapport reċenti
mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Verifika (NAO) huwa saħansitra indikazzjoni akbar
ta’ dan il-bżonn ta’ aktar setgħat. Dan jiddikjara li l-Kummissarju
għall-Organizzazzjonijiet Volontarji ma jistax jaċċerta kemm qed jinġabru flus
mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u kif dawn il-flus qiegħdin
jintużaw. Dan joħloq riskji possibbli b’rabta mal-ħasil tal-flus u l-evażjoni
tat-taxxa – xi ħaġa li diġà kien saħaq dwarha Kenneth Wain tul il-mandat
tiegħu.
L-NAO qal li
mhuwiex possibbli li jkun magħruf kemm jeżistu organizzazzjonijiet mhux
reġistrati, avolja l-bidliet leġiżlattivi introdotti f’Novembru li għadda
jobbligawhom kollha jirreġistraw. Barra minn hekk, ma tistax issir ir-riċerka
meħtieġa sakemm l-Uffiċċju tal-Kummissarju ma jkollux ir-riżorsi li għandu
bżonn biex iwettaqha.
Għaldaqstant
is-sitwazzjoni ta’ bħalissa hija waħda li tippermetti li organizzazzjonijiet li
jkunu biss faċċata jaħdmu lil hinn mill-għanijiet iddikjarati tagħhom.
Fl-istess waqt, madankollu, għandna niftakru li ħafna organizzazzjonijiet
għandhom għanijiet ġenwini: dawn ivarjaw mill-NGOs kbar u professjonalizzati
għall-gruppi iċken li huma aktar fluwidi fl-attivitajiet tagħhom.
Il-Kummissarju
għall-Organizzazzjonijiet Volontarji għandu jingħata r-riżorsi meħtieġa biex
jaqdi r-rwol tiegħu bħala faċilitatur tas-soċjetà ċivili. Id-demokrazija tissaħħaħ
dejjem aktar meta l-organizzazzjonijiet volontarji jikbru u jirnexxu.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 14 ta' April 2019