Forsi inti nanna jew nannu. Jew forsi zija jew ziju. Forsi inti kultant
tieħu ħsieb lin-neputijiet tiegħek: ħidma emozzjonali u 'inviżibbli' li ma tidhirx
fl-istatistika dwar il-prodott domestiku gross, iżda li għanja fil-valur
soċjali, il-fiduċja u r-reċiproċità.
Forsi inti nanna jew nannu li tibbilanċja l-ħajja tal-familja max-xogħol,
jew forsi tħossok waħdek fil-ħajja ta' kuljum tiegħek. Jista' jkun ukoll li
għandek ħafna konnessjonijiet fis-soċjetà iżda għandek ftit aċċess
għan-neputijiet tiegħek minkejja li tixtieq tqatta' ħin magħhom.
Bħala ġenitur, soċjologu u politiku nagħraf il-kontribut immens li
n-nanniet jagħtu lill-għeżież tagħhom, u nħoss li għandu jsir aktar biex jiġi
żgurat li d-dritt għal dan l-aċċess ikun imnaqqax fil-proċess tal-politika.
Nemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tiddedika jum lin-nanniet, hekk kif
tagħmel għal gruppi oħrajn fis-soċjetà. Dan kieku jgħin biex jiżdied l-għarfien
tad-drittijiet, ir-responsabbiltajiet, il-ħtiġijiet u x-xewqat tan-nanniet.
Għax jistgħu jvarjaw fl-età, l-istatus ta' ħaddiema jew pensjonanti, is-saħħa,
id-dħul, il-ġeneru, is-sitwazzjoni familjari u fatturi oħrajn.
B'rabta ma' dan nemmen ukoll li huma meħtieġa aktar studji soċjali xjentifiċi
biex jiġu analizzati s-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta' kuljum tan-nanniet.
Jistgħu jitwettqu tipi differenti ta' studji u metodi ta' riċerka, minn kejl
makro-statistiku għal mikroanaliżi ta' sitwazzjonijiet tal-ħajja reali. Studji
bħal dawn jistgħu jipprovdu evidenza għal tfassil inklużiv ta' politika.
Qasam wieħed li jistħoqqlu jingħata prijorità hu l-aċċess tan-nanniet
għan-neputijiet tagħhom u viċe versa. Dawn jistgħu jkunu mifrudin
ġeografikament u jistgħu jkollhom jadattaw għall-imħabba mill-bogħod tagħhom.
Jistgħu jkunu wkoll qrib ġeografikament iżda jkunu għaddejjin minn sfidi u
limitazzjonijiet fil-familja tagħhom minkejja x-xewqat tagħhom. Forsi jkollhom
bżonn ħiliet biex ikampaw u saħħa biex iħabbtu wiċċhom mas-sitwazzjonijiet ta'
kuljum tagħhom.
Inċidentalment, is-sena l-oħra l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li
l-kunċett ta' drittijiet ta' aċċess jirreferi mhux biss għad-drittijiet ta'
aċċess tal-ġenituri għat-tfal tagħhom, iżda wkoll għad-drittijiet ta' aċċess
ta' persuni oħrajn li huwa importanti li t-tfal iżommu relazzjoni personali
magħhom, fost oħrajn in-nanniet tat-tfal. Il-Qorti qalet li sabiex tiġi evitata
l-adozzjoni ta' miżuri konfliġġenti minn qrati differenti, u fl-aħjar interessi
tat-tfal, għandha tkun l-istess qorti - bħala regola ġenerali, il-qorti
tar-residenza abitwali tat-tifel jew tifla - li tiddeċiedi dwar id-drittijiet
ta' aċċess.
Jista' jkun hemm ukoll persuni li ma għandhomx neputijiet iżda li jixtiequ
jgħinu lit-tfal - b'rabta ma' dan, proġetti interġenerazzjonali jistgħu jkunu
ta' ġid. Il-kunsilli lokali u organizzazzjonijiet volontarji jistgħu jkunu
intraprendituri soċjali ewlenin għal dan il-għan. Prattika bħal din tista'
ssaħħaħ l-inklużjoni, il-koeżjoni, is-sikurezza u r-rabtiet fil-komunità.
Malta għandha x-xorti tajba li għandha l-organizzazzjoni volontarja
'Nanniet Malta', li qed tqajjem kuxjenza fuq id-drittijiet u l-ħtiġijiet ta'
dan il-grupp soċjali wiesa'. Dan hu qasam fejn għandna nilħqu kunsens politiku.
Ejjew niżguraw li d-drittijiet, ir-responsabbiltajiet, il-ħtiġijiet u
l-aspirazzjonijiet tan-nanniet jiġu rikonoxxuti mis-soċjetà.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 28 ta' April 2019