Saturday, June 15, 2024

#Ħsibijiet (105): Kunsilli Lokali

Il-PL ġab 52% tal-voti, Il-PN 45%, u oħrajn kważi 4%. Il-PL naqqas 15,700 vot, u l-PN żdied b'11,000 mill-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli fl-2019. Prosit, grazzi, awguri, u rispett lill 11-il kunsillier (minn 471, u b'madwar 9,000 vot minn xi 257,000 vot) li ġew eletti f'isem ADPD jew indipendenti. Hawn min għal skopijiet politiċi (jew wishful thinking) qed jipprova jagħti l-impressjoni li dan huwa xi grupp magħqud jew li saħansitra l-ewwel darba li ġew eletti kunsilliera ta' dan it-tip. Dan hu l-istess tip ta' żball analitiku bħal meta wieħed jassumi li dawk kollha li ma vvutawx huma xi grupp omoġenju, forza ġdida eċċ. Filwaqt li m'għandix dubju li kunsilliera mill-ADPD jew indipendenti jistgħu jagħtu (u uħud, diġà taw) kontribut kbir lill-lokalità rispettiva tagħhom u anke jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom, din hija ball game differenti għall-aħħar minn dik f'elezzjoni ġenerali, fejn l-għażla ewlenija hi jekk il-votant iridx lill-PL jew PN fil-gvern.