Il-Parlament
Ewropew huwa l-istituzzjoni li tirrappreżenta direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, li jtellgħu l-membri
tagħha. Huwa faċli li ninsew li dan hu l-punt ewlieni ta’ dawn l-elezzjonijiet,
qalb l-istorbju ta’ din il-kampanja twila. Huwa biss meta kull persuna li tgħix
fl-UE tkun tassew qiegħda tinstema’ li l-Parlament Ewropew ikun qiegħed jaqdi
l-iskop tiegħu.
Bħala kandidat
għall-Parlament Ewropew, inwiegħed li ser nagħmel l-almu tiegħi, kif ilni
nagħmel għal dawn l-aħħar 25 sena, biex nisma’ lin-nies kollha fil-komunitajiet
tagħna: iż-żgħażagħ, l-adulti u l-pensjonanti, in-nies ta’ ġeneri u sesswalitajiet
differenti, nies ta’ kull klassi soċjali u ambjent, il-ħaddiema, in-nies
qiegħda, dawk b’xogħlijiet prekarji, dawk li għaddejjin minn faqar, mard,
solitudni u sfidi oħrajn. Inwiegħed li ser insejjes il-ħidma tiegħi bħala
membru tal-Parlament Ewropew fuq l-evidenza li niġbor mis-soċjetà, Bħala
soċjologu u attivist għandi l-għodda kollha meħtieġa biex nagħmel dan.
Inwiegħed li
niġġieled il-problemi reali – niġġieled għal arja u baħar nodfa, għal spazji
miftuħa fin-natura, għall-ġustizzja klimatika, għall-ħarsien tal-bijodiversità
u l-ekosistemi mhedda tagħna, għall-ħarsien tal-ġejjieni tat-tfal tagħna,
għall-ġustizzja soċjali, għad-drittijiet tal-ħaddiema u s-sostenibbiltà,
għad-dinjità tal-ifqar u l-aktar dgħajfa fil-komunitajiet tagħna,
għas-sikurezza ta’ dawk li jfittxu protezzjoni u jsibu ruħhom fil-periklu.
Inwiegħed li nkun il-leħen ta’ dawk li jixtiequ jilħqu l-aspirazzjonijiet
tagħhom u li jixtiequ jaraw soċjetà tassew meritokratika lil hinn mill-piki
tribali.
Inwiegħed li
nistinka biex l-isfidi partikolari tagħna bħala stat li huwa gżira żgħira
jinftiehmu u jiġu rikonoxxuti fl-UE, filwaqt li niżgura li Malta ssir leħen
Ewropew għall-gżejjer żgħar madwar id-dinja.
Nista nagħmel dan
biss billi nkun attiv kemm f’Malta, b’komunikazzjoni kontinwa man-nies kollha
tal-komunitajiet tagħna, u fi Brussell, fejn ser inleħħen it-tħassib tiegħek, u
niżgura li jitqies fil-proċess tat-tfassil ta’ liġijiet. Nista’ nagħmel dan
biss jekk nibqa’, kif dejjem kont, ħieles minn donaturi minn wara l-kwinti.
Il-Parlament
Ewropew huwa istituzzjoni mibnija fuq id-djalogu u l-kompromess, fuq l-għarfien
li jeħtieġ li nisimgħu l-fehmiet tal-oħrajn b’moħħ miftuħ u b’rispett, filwaqt
li bi ħsieb nibnu fuq dak li jgħaqqadna. Għal din ir-raġuni, inwiegħed li nkun
il-kandidat għal dawk li jirriflettu u li jirrispettaw lill-oħrajn.
Kultant l-Unjoni
Ewropea tidher qisha labirint burokratiku, mimlija difetti. Madankollu,
fl-aħħar mill-aħħar l-Unjoni Ewropea hija qawwa għas-sewwa fid-dinja u
f’ħajjitna, xi ħaġa li aħna l-Maltin iġġilidna għaliha b’tant passjoni 15-il
sena ilu. Inwiegħed li naħdem bis-sħiħ biex dan it-tajjeb jinħass mill-persuni
kollha minn kull ambjent, fosthom dawk li huma mwarrbin u minsijin. Inwiegħed
li nitħabat sabiex l-Unjoni Ewropea tagħmel differenza f’ħajjitna lkoll.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 12 ta' Mejju 2019