Jien nemmen li
l-politika hija l-ħidma biex nibnu soċjetà aħjar, ambjent aħjar, Ewropa aħjar,
dinja aħjar. Il-bidla għall-aħjar ma sseħħx għax jiddeċiedu xi kbarat, iżda
tibda min-nies u mill-komunitajiet. Jien dejjem emmint dan bis-sħiħ u huwa
għalhekk li dejjem għamilt l-almu tiegħi biex inkun attiv u kostruttiv
fis-soċjetà ċivili u l-politika matul dawn l-aħħar 25 sena. Nixtieq li dawn
l-elezzjonijiet ikunu opportunità biex titkompla din il-ħidma li għandha tirfed
kull sforz jew kampanja politika.
Sfortunatament, sa
issa x’aktarx xbajtu bir-rigali, ix-xinxilli elettorali u s-slogans li ma
jissarrfux fi proposti konkreti ta’ politika. Jista’ jkun li qed tistaqsu jekk
il-liġi dwar il-finanzjament elettorali u l-protezzjoni tad-data hijiex
fil-fatt qed titħares. Jista’ jkun tixtiequ li l-politiċi li qed jitolbu l-vot
tagħkom ikunu dejjem attivi fuq livell lokali, jew qed tistaqsu jekk
l-attiviżmu tagħhom jiddependix sempliċiment fuq il-ħatriet elettorali.
Fl-aħħar
mill-aħħar, inti, il-votant, ser tiddeċiedi lil min se tivvota, u dan hu dritt
li ħadd ma jista’ jeħodulek. L-uniku suġġeriment tiegħi, jekk tippermettili,
huwa li tħares lejn dak li l-kandidati u l-partiti rispettivi qiegħdin
joffrulek fil-fatt. Li tħares lejn is-sustanza, mhux lejn il-propaganda. Li
tqis min jista’ jiġġieled għall-interessi tiegħek bl-aħjar mod mingħajr ma jkun
fil-but ta’ ħadd.
Bħala kandidat
f’isem il-Partit Nazzjonalista, jien kburi li jien kommess mal-manifest elettorali tiegħu li
tfassal u ġie approvat permezz tal-istrutturi demokratiċi tal-partit u li jieħu
impenji ċari b’rabta mal-identità, is-solidarjetà u l-ġid tas-soċjetà.
Jitkellem dwar soċjetà li jimpurtaha u jagħmel proposti konkreti dwar pagi
deċenti, edukazzjoni ta’ kwalità, il-kura tas-saħħa pubblika, l-ambjent,
il-kwalità tal-ħajja, il-migrazzjoni, il-governanza, id-drittijiet tal-bniedem
u d-demokrazija.
Ippubblikajt
ukoll il-wegħdiet u l-impenji tiegħi msejsin fuq l-esperjenza tiegħi bħala
soċjologu, kunsillier lokali u attivist li jemmen fi tfassil ta’ politika
bbażat fuq l-evidenza, konsultazzjoni fuq livell lokali, il-ġustizzja soċjali u
s-sostenibbiltà ambjentali. Fost l-impenji ewlenin tiegħi hemm dawn li ġejjin:
· Li nibqa’ ħieles minn donaturi minn wara
l-kwinti.
· Li nleħħen it-tħassib ta’ persuni ta’ kull
età – tfal, żgħażagħ u anzjani – u ta’ kull ġeneru.
· Monitoraġġ u azzjoni aħjar kontra x-xogħol
prekarju inkluż permezz ta’ portal online tal-UE li jirreġistra l-impjiegi
fil-pajjiżi kollha tal-UE biex jiġi żgurat li jħarsu l-leġiżlazzjoni
nazzjonali.
· Il-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali
għandhom iqisu l-impatti kumulattivi fuq il-lokalitajiet.
· L-azzjoni klimatika għandha tiġi integrata
fl-aspetti kollha tat-tfassil tal-politika.
· Jiżdied il-monitoraġġ tad-direttivi
ambjentali.
· Bidla għal trasport aktar nadif.
· L-UE għandha tagħraf id-dgħufijiet,
ir-riskji u l-opportunitajiet ekonomiċi tal-gżejjer żgħar. Ser naħdem biex
niżgura li jitqiesu r-realtajiet tal-industrija fil-gżejjer żgħar.
· Drittijiet aktar b’saħħithom
għall-ħaddiema u l-pensjonanti madwar l-Unjoni.
· Id-dikjarazzjoni ta’ Jum Ewropew
għan-Nanniet biex jiżdied l-apprezzament għal ħidmiethom.
Tista' taqra il-71 wiegħda u impenn tiegħi f’din il-ħolqa https://mikes-beat.blogspot.com/2019/05/wegdiet-u-proposti-gall-parlament.html.
Matul dawn il-25
sena ta' impenn kont attivist ewlieni f’bosta kampanji li rnexxew: is-sħubija
fl-Unjoni Ewropea, il-ħarsien ta’ art agrikola minn żvilupp mhux sostenibbli,
il-ħarsien tal-istipendji, l-introduzzjoni tad-divorzju u d-drittijiet LGBTIQ,
il-waqfien ta’ bosta proposti ta’ żvilupp mhux sostenibbli u l-organizzazzjoni
tal-ikbar protesti tas-soċjetà ċivili fl-istorja reċenti ta’ Malta: is-sejħa
biex iż-Żonqor jitħares mill-iżvilupp u s-sejħa għall-ġustizzja wara l-qtil ta’
Daphne Caruana Galizia.
Jekk niġi elett
fil-Parlament Ewropew inwiegħed li nżomm dan l-attiviżmu ħaj u nkun pont bejn
in-nies u l-istituzzjonijiet Ewropej. L-għażla f’idejk.