F'din il-kampanja twila għall-Parlament Ewropew,
komplejt bil-ħidma tiegħi favur l-ambjent u l-ġustizzja soċjali, bħal m’għamilt
f’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena.
Dwar l-ambjent, ktibt lill-Kummissjoni
Ewropea dwar il-mod kif il-gvern qiegħed juża flusna biex jagħti l-art bl-irħis
lill-iżviluppaturi kbar tad-DB f’Pembroke. Issa faqqas ukoll il-każ Corinthia,
u bħal ma dejjem għamilt, u mhux biss fi żmien l-elezzjoni, ser nibqa' attiv
biex l-art tagħna ma tintilifx. Malta mhijiex għal bejgħ.
Dwar l-enerġija, żvelajt kif,
minkejja l-pompa, il-gvern ċaħħad lil Għawdex minn fondi Ewropej għal enerġija
nadifa, fejn lanqas biss indenja ruħu japplika għal fondi speċifiċi għal
gżejjer bħal Għawdex.
Dwar il-ġustizzja
soċjali, ktibt lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-serq fil-kontijiet tad-dawl
u l-ilma. Logħba noli mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Maltin, iżda ftit
tal-ġranet ilu l-Ombudsman qalli li lest jinvestiga l-kontijiet li tibagħtulu.
Din hija l-politika ‘on the ground’. Politika viċin
in-nies dejjem, u mhux biss fi żmien l-elezzjoni.
Dwar id-drittijet
tal-bniedem, ktibt lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-teknoloġija li jrid
juża l-Gvern biex ikollu dettalji privati tagħna. Każ ta’ ‘Big brother is
watching you’.
Il-Kummissjoni tatni raġun u qalet li l-Gvern ma
jistax jaqbad u jdaħħal din it-tip ta’ teknoloġija bl-addoċċ. Għalhekk qed
niġri wara l-gvern biex ikun trasparenti.
Fil-Parlament Ewropew inżid dan it-tip ta’
attiviżmu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba. Għax jien nemmen f’Ewropa
li hi viċin tiegħek, viċin il-gżejjer żgħar, u mhux Ewropa tal-elites maqtugħa
min-nies.
Għażiż qarrej, forsi xbajt minn politika mixtrija. Forsi xbajt tara
lil Malta tinbiegħ biċ-ċiċri biex igawdu l-ftit. Forsi xbajt tara lil min jgħum
fil-liri filwaqt li oħrajn bilkemm ilaħħqu. Forsi xbajt tara saltna ta’
konkos li qed teqred l-ambjent u l-wirt tagħna.
Jien ukoll.
Bħal ma dejjem kont, u mhux biss fi żmien l-elezzjoni,
ser nibqa’ nitkellem favur il-ħaddiema, il-pensjonanti, iż-żgħażagħ,
in-negozjanti, il-klassi medja, l-uffiċjali taċ-ċivil, l-edukaturi u dawk
kollha ta’ rieda tajba.
Ser nibqa’ nitkellem favur l-ambjent u l-ġustizzja
soċjali. Ser nibqgħu naħdmu flimkien għal pajjiżna.
Għalhekk, int li tħossok minsi jistħoqqlok vuċi. Inwiegħdek
li l-vuċi tiegħek tinstema', dejjem, u mhux biss fl-elezzjoni.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 5 ta' Mejju 2019