Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, September 30, 2018

Ċekkijiet u pensjonanti – Michael Briguglio



Meta n-nies jirċievu r-rifużjonijiet tat-taxxa, huma jkunu qed jirċievu dak li għandhom dritt għalih mill-ħlasijiet li jkunu għamlu lill-gvern. Normalment jirċievu avviż dwar dan fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom u daqshekk. Iżda issa l-gvern ħa pass ieħor permezz ta’ manuvra pubbliċitarja: il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna organizza konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar li kienu ser jintbagħtu ċekkijiet speċifiċi, li ntbagħtu flimkien ma’ ittra ta’ propaganda lil eluf ta’ ħaddiema.

Fl-istess ġimgħa, xi ħadd qalli sarkastikament li l-flus tat-taxxa li qed jitħallsu lura lin-nies diġà ħallsu għalihom l-istess nies permezz tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma ogħla minħabba l-metodu illegali li bih qed jinħarġu l-kontijiet. Fuq il-mezzi soċjali oħrajn iċċajtaw li l-flus li ngħataw lura jistgħu jintużaw għand l-ispiżjar biex jinxtraw prodotti kontra t-tniġġis, u xi wħud qalu li l-ftaħir tal-gvern dwar ir-rifużjoni kien insult għal dawk li qed jitħabtu biex iħallsu l-kirja jew id-dar tagħhom. F’messaġġ fuq Twitter, l-opinjonista tat-Times of Malta Andre Debattista rrefera għal din bħala politika ‘tal-ħobz u taċ-ċirku’, jiġifieri politika maħsuba biex tnessi lin-nies il-problemi l-aktar serji.

Bosta oħrajn qed jgħidu li l-gvern qiegħed jinsa l-fatt li 95,000 pensjonant f’Malta qed isibuha dejjem aktar diffiċli li jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja minħabba spejjeż dejjem ogħla fl-isfond ta’ rata tal-inflazzjoni dejjem tiżdied. Kif inhuma l-affarijiet, madwar 22,000 pensjonant qegħdin f’riskju ta’ faqar: żidiet fl-ispejjeż tal-fjuwil, tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tal-ikel u bosta ħwejjeġ oħra qed jagħmlu s-sitwazzjoni agħar.

L-ogħla pensjoni tal-gvern f’Malta hija madwar €13,200 u l-unika konsolazzjoni hija li dawn il-pensjonanti huma eżentati mit-taxxa. Iżda bil-kontra ta’ ħaddiema eżentati mit-taxxa huma ma jkunux gawdew minn ċekk tal-gvern. Nistieden lill-qarrejja jagħtu ħarsa lejn battibekk pubbliku reċenti fuq Twitter bejn Alfred Mangion u l-Ministru tal-Finanzi għal aktar tagħrif dwar il-kwistjoni.

Dan iwassalni għal artiklu li nirrakkomanda ta’ Carmel Mallia (Times of Malta, 7 ta’ Settembru) dwar dak li l-pensjonanti qegħdin jistennew mill-baġit. Mallia jfakkar lill-qarrejja tiegħu li l-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti ilha tisħaq dwar l-importanza ta’ pensjonijiet adegwati għal dawn l-aħħar għaxar snin.

Huwa importanti li wieħed jinnota li rapport reċenti tal-Kumitat Ewropew għall-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea kkonferma li l-pensjoni taż-żewġ terzi tal-gvern mhijiex biżżejjed, xi ħaġa li anke jien tkellimt dwarha f’artiklu reċenti f’din il-gazzetta.

B’rabta ma’ dan, Mallia jirrapporta kif ir-rata medja ta’ dħul relattiv għal persuni akbar fl-età (65+) naqset bejn l-2008 u l-2016, li n-nisa qegħdin f’sitwazzjoni agħar u li hemm diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età f’għadd ta’ miżuri introdotti fil-pensjoni taż-żewġ terzi, jiġifieri fl-introduzzjoni ta’ limitu għad-dħul massimu pensjonabbli, il-pensjoni minima nazzjonali garantita u fir-rievalwazzjoni li ssir kull sena tal-pensjoni.

Ir-rapport imsemmi juri li persuna ma tistax tgħix b’pensjoni biss f’Malta u jafferma li d-diskrepanza bejn dak li jaqilgħu n-nisa u l-irġiel fost il-pensjonanti hija waħda mill-akbar fl-UE. Iżid li matul il-perjodu eżaminat (2008-16), ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew tal-esklużjoni soċjali għal persuni akbar fl-età żdiedet, speċjalment għal dawk li għandhom 75 sena jew aktar, avolja kien hemm titjib fejn tidħol id-diskrepanza relattiva tal-faqar għal persuni li għandhom 65 sena jew aktar.

Ir-rapport imsemmi dwar il-pensjonijiet jirrakkomanda wkoll indiċizzazzjoni xierqa tal-pensjonijiet biex tittaffa l-erożjoni tas-setgħa tax-xiri tal-pensjonanti. Din għandha tinkludi ġabra ta’ prodotti u servizzi meħtieġa minn persuni akbar fl-età. Il-formula rrakkomandata tirrifletti kemm l-inflazzjoni fil-pagi (50 fil-mija) kif ukoll l-inflazzjoni fil-prezzijiet bl-imnut (50 fil-mija).

Dan jirrakkomanda wkoll il-possibbiltà li n-nies joħolqu l-iskemi ta’ pensjonijiet tagħhom minflok dik tal-istat. B’rabta ma’ dan nixtieq inżid li l-gvern attwali waqqaf l-isforzi li kienu qed isiru qabel f’Malta biex tiġi inkluża pensjoni tat-tieni pilastru li tista’ tgħin biex jitrawmu r-responsabbiltà u s-sostenibbiltà.

Meta wieħed iqis li eluf ta’ pensjonanti qed ibatu biex jirniexxielhom ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, wasal iż-żmien li l-Ministru tal-Finanzi jintroduċi miżuri sostantivi fil-baġit li jmiss. Inkella, ser ikollhom ikomplu jagħmlu sagrifiċċji personali jew jiddependu minn sorsi oħrajn ta’ dħul u għajnuna, jekk dawn ikunu disponibbli għalihom, biex ilaħħqu.

Malta teħtieġ kunsens nazzjonali dwar il-politika tal-pensjonijiet: ejjew nintrabtu li jkollna solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan soċjetà li jimpurtaha.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 30 ta' Settembru 2018

No comments: