Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Saturday, June 30, 2018

X’qed jgħiduli n-nies: Michael Briguglio



Dawn l-aħħar ġimgħat kelli l-opportunita’ niltaqgħa ma’ ħafna nies li jixtiequ l-aħjar futur għall-Partit Nazzjonalista. Smajt bosta proposti, ilmenti, suġġerimenti u kummenti.

Din mhux l-ewwel darba li ltqajt ma’ nies li tinteressahom il-politika. F’dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena li ili attiv fil-politika u fis-soċjeta’ ċivili iltqajt ma’ eluf ta’ nies u tgħallimt ħafna dwar realtajiet li jeżistu fis-soċjeta’ Maltija. Issa li ili membru tal-Partit Nazzjonalista minn ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-2017 qed inkompli nibni fuq dan il-wirt.

Nixtieq insemmi erba’ punti li laqtuni ferm f’dawn l-aħħar ġimgħat, kemm għax qalulomli ħafna nies, kif ukoll għax nemmen fihom jien ukoll.

L-ewwel, l-għaqda. Jeħtieġ li nagħmlu ħilitina biex inkunu tim maqgħud għall-isfidi elettorali li għandna quddiemna. Il-partit għandu diversita’ ta’ fehmiet u perspettivi, għandu proċess demokratiku u għandu l-bibien miftuħin għal min ikun irid jikkontribwixxi f’modi differenti.  Ejja nirrispettaw u niċċelebraw din ir-rikezza.

It-tieni: Il-fenomenu Muscat. Bosta nies li ltqajt magħhom jafu sew kif jaħdem Joseph Muscat. Jafu li qabel l-aħħar elezzjonijiet kellu biss kalkolu wieħed: Il-voti, huma x’inhuma l-implikazzjonijiet fuq il-ġid komuni. Il-Partit Laburista għandu sistema ta’ netwerks u micro-targetting li permezz tagħha l-huwa preżenti kullimkien, u għalhekk jaf sew kif jista’ jwiegħed minn kollox lil dawk li jistgħu ituh vot. Iżda ħafna nies li kellimt esprimew preokkupazzjoni li jkollna nħallsu fil-futur għall-politika ta’ Muscat.

It-tielet: Li l-Partit Nazzjonalista ikun viċin in-nies. Bosta huma dawk li qed japprezzaw li l-partit qed jagħmel l-almu tiegħu biex iwettaq din il-missjoni. In-nies iridu li l-politiċi jisimgħu l-ilmenti, l-anzjetajiet, il-proposti u s-suġġerimenti tagħhom. Iridu li dak li hu tagħhom bi dritt jieħduh, u mhux jittalbu għalih. Iridu ukoll stil ta’ governanza li tibbilanċja l-ħtigijiet fit-tul tal-pajjiz mar-realtajiet tal-ġurnata.

Ir-raba’: In-normalita politika. Kulħadd jaf li l-pajjiż huwa mifni bil-korruzzjoni, iżda fl-istess ħin hemm għejja ġenerali fil-konfront ta’ politika ikarratteriżżata minn wisq konfrontazzjoni u stress. Ħafna nies iridu jgħixu ħajja normali u jridu s-serħan tal-moħħ.  Aħna l-politiċi  għandna nagħmlu l-almu tagħna biex is-servizz li noffru verament ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies, bil-fatti u mhux bil-paroli.

Fix-xhur li jmiss kemm ser inkompli niltaqa’ ma iktar nies u ser inkompli nwassal il-messaġġ tagħkom. L-istess ser jagħmlu kollegi oħra fil-Partit Nazzjonalista. B’rieda tajba naħdmu biex ikollna soċjeta’ li jimpurtaha.

 Dan l-artiklu deher fil-Mument, 1 ta' Lulju 2018




No comments: