Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, October 07, 2018

Proposti għall-baġit (1) - Michael Briguglio


F'Malta tal-lum, madwar 72,000 persuna qiegħda f'riskju ta' faqar u madwar 3.3 fil-mija tal-popolazzjoni tbati minn privazzjoni serja. Iċ-ċifra ta' 3.3 fil-mija hija aħjar minn dik tas-snin ta' qabel, iżda din ma tagħti ebda konsolazzjoni lil dawk li ta' kuljum qed iħabbtu wiċċhom mal-miżerja. Fid-dawl tar-rati ta' inflazzjoni li qed jiżdiedu f'Malta, nistennew ukoll il-pubblikazzjoni ta' statistika aktar reċenti.

B'rabta ma' dan, il-gvern introduċa xi miżuri pożittivi f'dawn l-aħħar snin. L-aktar waħda li tispikka hija ċentri fejn jittieħed ħsieb tat-tfal mingħajr ħlas għal ġenituri li jaħdmu, għalkemm jien nemmen li din għandha tiġi estiża għall-ġenituri kollha, ħalli t-tfal kollha jkunu jistgħu jgawdu mis-servizz.

Miżura oħra hi t-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji meta jinstab xogħol, li hi mfassla bil-ħsieb li persuni li qabel kienu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali jkun jaqblilhom jaħdmu permezz ta' benefiċċji għal persuni li jaħdmu bħaż-żamma temporanja tal-benefiċċji fuq perjodu ta' xogħol ta' tliet snin.

B'konsegwenza ta' dan, persuni li jiddependu mill-għajnuna soċjali naqsu bi 43 fil-mija għal 7,940 fuq perjodu ta' sitt snin. Madankollu, nistaqsi jekk dawn il-persuni humiex qed jiġu impjegati f'xogħlijiet deċenti, jekk il-metodi li l-gvern qiegħed juża biex ineħħi n-nies mid-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali humiex imsejsa fuq metodi dinjitużi u jekk xi nies humiex jiċċaqalqu mis-sistema tal-għajnuna soċjali uffiċjali għall-ekonomija illegali. Riċerka soċjoloġika kwalitattiva dwar dan tista' tagħtina data rilevanti.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, Malta qiegħda tipprovdi wkoll pensjonijiet li mhumiex adegwati, u l-aħħar ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw li l-prezz tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma żdied b'7.1 fil-mija bejn l-2016 u l-2017. Il-prezz tad-djar qed jispara 'l fuq: l-aħħar Indiċi Dinji tal-Prezzijiet tad-Djar minn Knight Frank jgħid li l-prezzijiet tad-djar f'Malta żdiedu aktar minn kull pajjiż ieħor fid-dinja.

Din iż-żieda tista' tkun aħbar tajba għas-sidien tal-proprjetà, u nixtiqilhom ir-risq għall-investiment ekonomiku tagħhom, iżda min-naħa l-oħra qed twassal għal għamliet ġodda ta' faqar bħas-sitwazzjonijiet impossibbli li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ li jixtiequ jibdew ħajja indipendenti u l-persuni anzjani li jgħixu fi proprjetà mikrija.

Sadanittant, l-inflazzjoni f'Malta tkompli tiżdied. Skont il-Eurostat ir-rata f'Malta f'Awwissu 2018 kienet 2.4 fil-mija, id-doppju taċ-ċifra ta' Awwissu 2017 u ogħla mill-medja ta' tnejn fil-mija fiż-żona tal-ewro. Ir-rata ta' inflazzjoni fiż-żona tal-ewro naqset b'0.1 fil-mija għal tnejn fil-mija f'Awwissu meta mqabbla max-xahar ta' qabel, iżda r-rata f'Malta żdiedet b'0.3 punti perċentwali fl-istess perjodu.

L-ogħla żidiet f' Malta kienu fil-prezzijiet tar-ristoranti u l-lukandi, it-trasport, u l-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku rispettivament, filwaqt li l-akbar tnaqqis kien fil-prezz tal-ħwejjeġ u ż-żraben. Il-prezzijiet tal-fjuwil żdiedu wkoll, li jżid l-inkwiet għas-sewwieqa fit-traffiku ġġammjat ta' Malta.

Il-baġit tas-sena li għaddiet ta ħlas ta' aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) ta' €1.75 lill-ħaddiema kull ġimgħa, iżda l-gvern żied ewro ieħor ma' dan f'dik li kienet qisha ammissjoni li l-metodoloġija tal-mekkaniżmu tal-COLA kienet żbaljata. Fis-snin ta' qabel, il-ħlas tal-COLA kien ta' €1.75 fl-2017 u l-2016 rispettivament, €0.58 fl-2015 u €3.49 fl-2014.

Nagħti l-appoġġ tiegħi għat-talba tal-għaqdiet tal-ħaddiema għal mekkaniżmu rivedut u realistiku tal-COLA. Affarijiet bażiċi bħall-ikel għandhom jingħataw aktar importanza fil-ġabra ta' prodotti li jitqiesu, għax jammontaw għal parti akbar min-nefqa ta' dawk li għandhom dħul baxx.

Nemmen ukoll li l-gvern għandu jagħti żidiet deċenti lill-pensjonanti. Ejjew niftakru wkoll li dawn sikwit ikunu involuti f'ħafna xogħol inviżibbli u mhux imħallas li jvarja milli jieħdu ħsieb in-neputijiet għal xogħol volontarju. Iżda mbagħad iħabbtu wiċċhom ma' spejjeż dejjem ogħla għall-prodotti u s-servizzi, mill-kura tas-saħħa sar-rikreazzjoni. Il-gvern għandu wkoll jibda dibattitu xieraq dwar pensjonijiet sostenibbli fi spirtu ta' kunsens nazzjonali.

Fost miżuri baġitarji oħrajn li nistenna hemm għajnuna xierqa għal min qed jikri jew biħsiebu jikri proprjetà iżda li ma jistax ilaħħaq mal-prezzijiet tal-kiri. Dan il-metodu jista' jiġi introdott mingħajr ma ssir distorsjoni tas-suq tal-proprjetà. Il-gvern għandu wkoll isolvi l-kontroversja tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma billi jħallas lura lill-eluf ta' persuni li qed jirċievu kontijiet ogħla minħabba mekkaniżmu illegali.

It-tkabbir ekonomiku ta' Malta għandu jitgawda minn kulħadd. Il-gvern qiegħed iżid in-nies għall-ekonomija: dik li għandu jkollna hi ekonomija għan-nies.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 7 ta' Ottubru 2018

1 comment:

Unknown said...

Prosit Michael - very good proposals