Thursday, July 30, 2020

#Ħsibijiet (59) - Il-vot ta' din il-ġimgħa

Fil-kontroversja kurrenti dwar il-PN, ftit ta’ ġimgħat ilu jien u oħrajn ipproponejna li l-kwistjoni tmur għand il-Kunsill Ġenerali u għand it-tesserati. 

Dan għax hekk titlob id-demokrazija u għax ħadd m’għandu jqis il-partit bħala propjeta’ tiegħu. 

Bħalissa il-fazzjonijiet qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jipperswadu lill-kunsilliera dwar il-vot ta’ din il-ġimgħa. 

Kollox sew, sakemm kulħadd jimxi man-normi tad-diċenza u rispett. Sfortunatament fil-politika tas-sensazzjonaliżmu u tas-soundbites, dawn iż-żewġ fatturi kemm il-darba jingħataw il-ġemb anke jekk iweġġgħu nies tad-demm u l-laħam. 

Bħala kunsillier nemmen li kulħadd għandu l-intelliġenza tiegħu biex jasal għal għażla ħielsa waqt il-vot. 

Personalment jien dejjem ippruvajt inkun fair, tajt il-kontribut li stajt, irrispettajt lill-kollegi tiegħi, qatt ma ppretendejt xejn u qatt ma kont fil-but ta’ ħadd jew membru ta’ xi tribu. U hekk ser nibqa’.