Wednesday, April 29, 2020

#Ħsibijiet (32) #MaltaNotForSale - Pajjiżna għandu jieħu l-isptarijiet lura

Kieku mhux għall-ħidma ta' l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament u fil-Qrati, il-Gvern Laburista kien jibqa' għaddej bħal gaffa fil-kwistjoni tal-bejgħ ta' sptarijiet pubbliċi lil Vitals u Steward, u l-poplu kien jibqa' mingħajr informazzjoni essenzjali. Kieku ma kienitx il-media li ukoll investigat din il-kwistjoni, il-kwistjoni kienet tisparixxi mill-aħbarijiet. 

Hawnhekk qed nitkellmu fuq assi pubbliċi fis-settur tas-saħħa, fuq wirt tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri. Qed nitkellmu fuq bejgħ, li minn fuq, qed inħallsu għalih mit-taxxi tagħna. Il-poplu s'issa diġa ħallas €260 miljun għal servizz li ma onorax l-obbligi tiegħu.

Il-Gvern immexxi minn Robert Abela issa għandu opportunita' li jħares l-interess nazzjonali u soċjali u jappoġġja l-mozzjoni parlamentari ta' l-Oppożizzjoni sabiex it-taxpayers ma jħallsux €100 miljun lil min qiegħed japproffita mill-poplu Malti korteżija ta' kuntratt li jobbliga lit-taxpayers ikopru d-djun ta' Steward.  

Il-Gvern għandu l-opportunita' li jħassar il-kuntratt ta' privatizazzjonijiet tat-tlett sptarijiet u li jippubblika l-informazzjoni kollha li ġiet moħbija mill-Gvern ta' Muscat, Mizzi u Schembri.

Sa dan it-tant, qegħdin fis-sitwazzjoni surreali li waqt il-Coronavirus pajjiżna jkollu jibni prefabricated hospital minflok ma juża u jtejjeb l-assi eżistenti tiegħu.  

Quddiem skandlu bħal dan, jeħtieġ li l-ġid komuni jiġi qabel interessi settarji. 

Malta is not for sale.