Friday, January 31, 2020

#Ħsibijiet (7)

 Il-politika diviżiva, dik ta' aħna nafu kollox u huma ma jafu xejn, ta' min jgħajjat jew jippoppa l-iktar, taf tkun spettakolari. Iżda kemm fiha sustanza? 

Nippreferi politika li tiddiskuti l-ideat u l-proposti, li tistudja u tirriċerka, li tisma' daqs kemm titkellem. Iżda din it-tip ta' politika teħtieġ investiment. 

Metodu li jista' jintuża biex noqorbu lejn din it-tip ta' politika hi li jkun hemm kumitati parlamentari li jiltaqgħu regolarment fuq kwistjonijiet varji proposti minn parlamentari u parteċipanti oħra bħal l-esperti, akkademiċi, korpi kostitwiti, partiti, soċjeta' ċivili, kunsilli lokali u ilħna oħra mis-setturi pubbliċi u privati. 

Kemm politiċi kif ukoll 'policy makers'  li m'humiex politiċi, bħal dawk imsemmija hawn fuq ikunu madwar il-mejda. Ikunu strutturati b'mod iktar olistiku minn dawk il-kumitati li hemm fil-preżent (f'numru żgħir ta' oqsma).
Sa ċertu punt dan iwessa' l-iskop ta' fora bħall-MCESD u MEUSAC b' ispirazzjoni Skandinava.
Ikun hemm riżorsi li jistgħu jintużaw għar-riċerka, inizjattivi, programmi, edukazzjoni u affarijiet oħra sabiex ikun hemm diskussjonijiet infurmati u kostruttivi għall-kunsiderazzjoni tal-Parlament. 

F'tali politika xorta jkun hemm id-differenzi u n-nuqqas ta' qbil, iżda l-komunikazzjoni u d-deliberazzjoni jingħataw priorita'. Ikun hemm spazju għal min jista' u jixtieq jikkontribwixxi fil-politika mingħajr ma jkun politiku. 

B'rieda tajba jista' jkun hemm kunsens għal din it-tip ta' politika.