Thursday, January 30, 2020

#Ħsibijiet (6)

Sezzjoni tal-poplu hi involuta fl-attiviżmu. Min jipproponi metodu, u min jipproponi ieħor. Min irid jaħdem ma’ kull min jaqbel miegħu fuq il-kwistjoni konċernata, u min jaħdem biss ma’ dawk li jikkunsidra bħala ‘tajbin’. Min jimmilita jew għandu konnessjoni ma' partit jew politiku, min f’xi għaqda fis-soċjeta’ ċivili, min fit-tnejn (jew aktar), u min f’xejn. Min hu attiv bħala stil ta’ ħajja u min forsi iktar b’mod leġġer. Dawn huma xi eżempji ta’ x’jikkostitwixxi l-attiviżmu fil-politika u fil-movimenti soċjali, fejn jista’ jkun hemm varjeta’ ta’ impatti fuq issue jew oħra. Dan kollu huwa essenzjali f’demokrazija liberali, u allaħares ma jkunx hekk. 
F’dan il-kuntest, ikun tajjeb ukoll li nkunu ċari u reali dwar il-poter ta’ l-apparat ta’ l-istat. L-istat m’huwiex omoġenju, u kultanti iċedi għall-pressjoni esterna jew interna jew saħansitra jappoġġja talbiet mis-soċjeta’ fuq kwistjonijiet partikolari. 
Iżda l-istat huwa ċentru ta’ poter, immexxi minn partit li rebaħ l-elezzjoni. U jekk wieħed jaspira biex ikun hemm formazzjoni oħra governattiva, din tista’ ssir biss minn forza, minn koalizzjoni, li hi elettoralment iktar b’saħħitha mill-formazzjoni governattiva preżenti. Fil-kuntest Malti, formazzjoni governattiva, anke jekk b’forma ta’ moviment jew koalizzjoni, irid ikollha fiċ-ċentru tagħha wieħed miż-żewġ partiti ewlenin, bħala l-akbar żewġ forzi politiċi li jeżistu. Ovvjament kulħadd jagħmel l-għażliet tiegħu.
Għalhekk, nemmen li daqs kemm huwa importanti li f’demokrazija wieħed jitkellem u jkun attiv kontra xi deċiżżjoni, stil jew politika tal-Gvern, huwa daqstant importanti li wieħed jirrikonoxxi li Gvern jista' jinbidel bil-vot tal-poplu. Tajjeb li wieħed jagħraf il-politika tal-possibli, dik li hi ‘grounded’ fir-realta’ soċjali, dik li tisma’ u tanaliżża daqs kemm titkellem. Vot maqsum jista’ jiffavorixxi l-forza governattiva. U ħidma għall-forza governattiva differenti u rebbieħa fiha biċċa xogħol.