Wednesday, January 22, 2020

#Ħsibijiet (3)

Mhux sew li xi membri parlamentari tal-Partit Laburista ippruvaw iwaqqgħu għaċ-ċajt il-proposta sabiex il-Kap ta' l-Oppożizzjoni Adrian Delia ikollu iktar riżorsi parlamentari biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.

L-Opożizzjoni, hi min hi, għandha rwol kostituzzjonali li tiskrutiniżża l-Gvern. Din hi funzjoni bażika f'demokrazija, l-istess bħal ma huma rwoli kostituzzjonali oħra li jiġu mħallsa minn fondi pubbliċi. Bil-proposta ta' l-Opożizzjoni tgawdi ukoll kull oppożizzjoni fil-futur, u dan jista' jsaħħaħ id-demokrazija.

Jeħtieġ li fir-riformi kostituzzjonali ta' Malta naħsbu bis-serjeta' biex ikollna parlament professjonali. Fost affarijiet oħra, dan jirrikjedi li jkun hemm riżorsi għal-riċerka professjonali, esperti li jgħinu fil-ħidma parlamentari, u politika li tkun ibbażata fuq l-evidenza.

Jeżisti ħafna talent - esperti, akkademiċi, riċerkaturi u professjonisti li jistgħu jgħinu fil-proċess politiku mingħajr ma jkunu politiċi. Ejjew nagħmlu użu aħjar minn dan it-talent, u mhux nippruvaw nagħmlu ballun politiku minn proposti għal parlament iktar professjonali.

Il-Gvern għandu opportunita' li jilqa' proposta kostruttiva favur iktar checks and balances. Nittama li jilqagħha.