Sociologist from Malta

Sunday, February 10, 2019

Nintegraw l-anzjanita’ attiva fit-tfassil tal-politika – Michael Briguglio



Fil-bidu tal-istudji tiegħi tas-soċjoloġija lura fid-disgħinijiet, sirt konxju tal-kunċett ta’ anzjanita’ attiva. Dan kien primarjament bis-saħħa tal-mibki Joseph Troisi u ta’ Marvin Formosa, li għenu biex dan il-kunċett isir popolari fis-soċjoloġija u l-politika soċjali f’Malta.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, saru diversi żviluppi fl-oqsma rispettivi kemm taħt gvernijiet Nazzjonalisti kif ukoll Laburisti. Madankollu, naħseb li wasal iż-żmien li kwistjonijiet marbutin mal-anzjani jiġu integrati fl-aspetti kollha tat-tfassil tal-politika.

Dan għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett, l-għadd ta’ anzjani f’riskju ta’ faqar f’Malta huwa ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Skont il-Eurostat, ir-rata fl-Unjoni kienet relattivament stabbli bejn 12 u 14 fil-mija bejn l-2010 u l-2017. Min-naħa l-oħra, ir-rata f’Malta kienet 17.9 fil-mija fl-2010, naqset għal 14.3 fil-mija fl-2013, u żdiedet għal 21.8 fil-mija fl-2017. Għaldaqstant, kważi wieħed minn kull erba’ pensjonanti f’Malta uffiċjalment jinsabu f’riskju ta’ faqar.

It-tieni, nemmen li fit-tfassil tal-politika f’Malta, l-anzjani sikwit ma jitqisux bħala parteċipanti attivi fis-soċjetà.

Qiegħed ngħid dan minkejja l-aqwa intenzjonijiet u sforzi ta’ ministri u segretarji parlamentari responsabbli għall-anzjani taħt gvernijiet differenti.

Nemmen bis-sħiħ li l-politika għandha tqis lill-anzjani bħala nies li għandhom ħafna x’jagħtu lil setturi soċjali formali u mhux formali li jvarjaw mix-xogħol għall-ħajja tal-familja, permezz tal-esperjenza u l-għarfien tagħhom, u bis-saħħa tax-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fil-ħajja ta’ kuljum.

Is-soċjetà hija wkoll imdejna mal-anzjani għall-ħidma tagħhom fl-imgħoddi u fil-preżent. Għalhekk, ejjew nieqfu nirreferu għal dawn in-nies bħala ‘piż’ u ejjew niżguraw li dawk li jixtiequ jkomplu jgawdu ħajja awtonoma b’sehem soċjali sħiħ ikunu jistgħu jagħmlu dan.

Approċċ ta’ politika bħal dan għandu jiffoka kemm fuq il-benefiċċji ekonomiċi kif ukoll fuq dawk psikosoċjali għall-anzjani. Pereżempju, bosta nies akbar fl-età jeħtieġu aktar għajnuna u opportunitajiet ekonomiċi, iżda oħrajn jistgħu jkunu jeħtieġu aċċess aħjar għal inizjattivi fil-komunità.

Dan l-approċċ iħares lejn il-politika soċjali f’termini ta’ sigurtà soċjali ‘pożittiva’, jew dak li Anthony Giddens isejjaħlu l-“istat ta’ investiment soċjali”: wieħed li jagħmel possibbli li n-nies jilħqu l-ogħla potenzjal tagħhom.

It-tiswir u l-implimentazzjoni tal-politika jkunu jinvolvu lill-istat, is-settur privat u s-soċjetà ċivili, u sistemi lokalizzati bħall-kunsilli lokali u organizzazzjonijiet fil-komunitajiet ikunu jaqdu rwol attiv.

B’rabta’ ma dan, huwa rilevanti li nieħdu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma Ewropea AGE li magħha hi affiljata l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti ta’ Malta.

Din tgħid li Ewropa tassew inklużiva għandha tiġġieled kontra l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-età; toħloq swieq tax-xogħol inklużivi; tiżgura pensjonijiet u dħul fix-xjuħija li jkunu adegwati; tiżgura kura tas-saħħa ta’ kwalità u bi prezz li jintlaħaq; tippromwovi s-saħħa fiżika u mentali; tippermetti aċċess universali għal prodotti, akkomodazzjoni u servizzi; u tagħti s-setgħa lil ċittadini akbar fl-età biex jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja soċjali, kulturali u demokratika.

Kollha f’daqqa, dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma marbutin mad-dinjità tal-anzjani: id-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni u t-trattament indaqs.

Dawn it-talbiet huma applikabbli għall-kuntest Malti. Biex nagħti xi eżempji, nemmen li t-tfassil ta’ politika f’Malta għandu jagħti possibilità akbar lill-anzjani fis-setturi kollha biex japplikaw għal u jżommu x-xogħol tagħhom jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

Nemmen ukoll li l-politiċi u l-attivisti tas-soċjetà ċivili akbar fl-età ma għandhomx jitqiesu ‘ilħna tal-bieraħ’, bl-istess mod li ż-żgħażagħ ma għandhomx jissejħu sempliċiment ‘l-ilħna ta’ għada’. Ilkoll huma parteċipanti attivi fl-isfera pubblika tal-lum.

Il-ħtiġijiet soċjali tal-anzjani li ma jidhrux fil-media ewlenin u fil-mezzi soċjali għandhom jingħataw aktar importanza permezz ta’ metodi ta’ riċerka kwalitattivi fil-ħajja ta’ kuljum: jien stess regolarment niltaqa’ ma’ anzjani li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi ta’ saħħa, ta’ akkomodazzjoni u ta’ għoli tal-ħajja.

Fl-aħħar nett, sinjal tan-nuqqas tal-integrazzjoni tat-anzjanita’ attiva f’Malta huwa l-istat tal-bankini tagħna. Xi ħaġa tant bażika iżda tant importanti fil-ħajja ta’ kuljum. Meta ser niddeċiedu li niddedikaw biżżejjed fondi u professjonaliżmu biex niżguraw aċċess xieraq?

Tassew wasal iż-żmien li f’pajjiżna jkollna kunsens politiku għat-anzjanita’ attiva, mhux biss bil-kliem iżda, aktar minn hekk, fit-tfassil attiv tal-politika.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 10 ta' Frar 2019

No comments: