Sociologist from Malta

Sunday, February 03, 2019

Ejjew niġġieldu kontra l-aħbarijiet foloz – Michael Briguglio


Il-popolarità tal-mezzi soċjali tant biddlet il-qasam tal-aħbarijiet li bosta saru jieħdu l-aħbarijiet tagħhom primarjament minn pjattaformi bħal Facebook u YouTube.

Dan żied il-viżibbiltà ta’ siti tal-aħbarijiet differenti, fejn il-qarrej jista’ jgħarbel, jagħżel u jinterpreta skont il-valuri tiegħu. Il-qarrejja jistgħu wkoll jipproduċu aħbarijiet huma stess permezz ta’ diversi għamliet ta’ teknoloġija u media – tabilħaqq ilkoll aħna prosumaturi (produtturi u konsumaturi) attivi potenzjali u mhux biss konsumaturi passivi tal-aħbarijiet.

Naturalment, dan ma jfissirx li hemm ugwaljanza fil-produzzjoni u l-konsum tal-aħbarijiet: l-ekonomija politika tal-produzzjoni tal-aħbarijiet ma tista’ qatt tiġi injorata fil-qasam tal-media. Lanqas ma jistgħu jiġu injorati fatturi oħrajn bħal ħiliet tekniċi, il-faċilità tal-qari, l-effikaċja, l-algoritmi u x-xejriet fil-media.

F’dan l-artiklu nixtieq niddiskuti l-isfida marbuta mal-produzzjoni u l-konsum ta’ aħbarijiet foloz. Hawnhekk m’iniex nirreferi għal ideoloġiji, valuri u perspettivi differenti fl-interpretazzjoni tal-fatti. Dak li qiegħed nirreferi għalih huwa aħbarijiet li huma għalkollox foloz.

Biex nagħti eżempju bażiku: siti differenti tal-aħbarijiet jistgħu jagħtu interpretazzjonijiet differenti tal-azzjoni ta’ politiku, jew jagħmlu enfasi fuq aspetti differenti ta’ din l-azzjoni. Iżda jekk, ngħidu aħna, politiku jmut, dan il-fatt ma jistax jiġi ffalsifikat fl-aħbarijiet. Forsi t-tħabbira tiegħu tista’ tiġi posposta – kif xi kultant jiġri taħt reġimi dittatorjali – iżda l-mewt hija fatt li ħadd ma jista’ jaħarbu.

Mistoqsija inevitabbli li tqum b’rabta ma’ dan hi: għandna nkunu ħielsa li nxerrdu aħbarijiet foloz, u mbagħad għandu jkun f’idejn il-qarrej jemminx dawn l-aħbarijiet jew le?

Nemmen li l-libertà tal-kelma dejjem irid ikollha kuntest ta’ responsabbiltà. Il-mistoqsija hi kif dan il-kuntest jista’ jiġi implimentat. Pereżempju, ir-responsabbiltajiet legali u r-regolamenti għall-pjattaformi tal-aħbarijiet, fosthom dawk li jużaw il-mezzi soċjali, jistgħu jiġu kkumplementati minn investiment akbar f’netwerks li jivverifikaw il-fatti u aktar kooperazzjoni bejniethom.

Persuni li jħossuhom imweġġgħin minn aħbarijiet foloz għandu jkollhom ukoll faċilitajiet aktar aċċessibbli biex jiddefendu kemm ir-reputazzjoni tagħhom kif ukoll il-‘veritajiet’ li jemmnu li tkasbru.

Ma nemminx li dan għandu jwassal għal ‘pulizija tal-verità’ awtoritarji, iżda nissimpatizza ma’ persuni li ħajjithom tkissret bis-saħħa ta’ gideb li nfirex fuq il-mezzi soċjali.

Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, il-pjattaformi tal-mezzi soċjali bħal Facebook joffru ftit li xejn rimedji għall-vittmi ta’ aħbarijiet foloz. Nittama li l-ħatra dan l-aħħar tal-ex-Viċi Prim Ministru tar-Renju Unit Nick Clegg bħala l-kap tat-tim għall-affarijiet dinjin u l-komunikazzjoni ta’ Facebook tista’ tgħin biex il-qagħda f’dan il-qasam titjieb.

Nemmen ukoll li aħna ċ-ċittadini għandna nkun mgħammra biex nagħtu s-sehem tagħna biex niġġieldu kontra l-aħbarijiet foloz. L-edukazzjoni ċivika, etika u politika għandha tiġi integrata fis-sistema edukattiva u l-atturi politiċi għandhom jiffurmaw koalizzjonijiet ta’ fiduċja biex jiġġieldu kontra prattika diżonesta.

Nistieden ukoll lill-qarrejja biex ifittxu siti tal-internet professjonali li jivverifikaw il-fatti bħal Snopes u The Conversation.

Christina Hagler, mill-Università ta’ Harvard, tirrakkomanda li ninvestigaw ukoll dak li jirrappreżentaw siti tal-aħbarijiet partikolari. Xi kultant, anke karatteristiċi grammatiċi bażiċi jistgħu jikxfu n-natura ta’ sit tal-aħbarijiet.

Bl-istess mod, nistgħu nagħrfu li sit ma jkunx serju fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ referenzi u sorsi, jekk l-aħbar partikolari prattikament ma tidher f’ebda sit ieħor jew jekk is-sit partikolari jkollu isem li huwa kważi identiku għal dak ta’ sit tal-aħbarijiet leġittimu ieħor.

Fl-aħħar nett, ejjew ma naqgħux għall-illużjoni li, sempliċiment għax sit tal-aħbarijiet ikun popolari, dan bilfors ikun qiegħed jgħid il-verità.

Xi drabi, aħbar falza tinfirex, anke jekk ikun hemm indikazzjonijiet li jintgħarfu minn qarrejja li jaqraw l-aħbarijiet b’reqqa u għaqal. Meta jiġri hekk, naħseb li hija r-responsabbiltà tagħna bħala ċittadini attivi li niġbdu l-attenzjoni għall-falsità ta’ aħbar bħal din.

Għax tassew inkunu qed nonqsu mir-responsabbiltajiet ċiviċi u demokratiċi tagħna jekk noqogħdu fuq aħbar falza sempliċiment għax tinzerta titfa’ dawl ikrah fuq l-avversarji tagħna. Hekk inkunu qisna qegħdin nilagħbu logħba mingħajr ma nħarsu r-regoli.

Ejjew ma npaxxux lit-trolls li huma mġewħin għall-attenzjoni bid-diżonestà tagħhom. Ejjew nikkritikaw, niddubitaw, u nsaqsu mistoqsijiet lil xulxin, iżda ejja nagħmlu dan b’rispett u onestà.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 3 ta' Frar 2019 

No comments: