Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, December 16, 2018

Int qed tħoss it-tkabbir fil-prodott gross domestiku? – Michael Briguglio


Probabbli taf li l-prodott gross domestiku ta' Malta żdied b'7.5 fil-mija f'termini reali tul it-tielet kwart tal-2018. Jista' jkun li qrajt din l-aħbar fil-gazzetti jew smajtha fuq il-mezzi tax-xandir. Jekk int parti mill-grupp dejjem jikber ta' nies li jisimgħu l-aħbarijiet mill-mezzi soċjali, jista' jkun li ltqajt ma' propaganda mill-gvern li fakkritek li dan huwa l-aqwa żmien.

L-istatistika hi korretta. Tirrappreżenta t-tkabbir tal-prodott gross domestiku f'termini reali skont iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Din hi ċifra aġġustata għall-inflazzjoni li tikkwantifika l-valur tal-oġġetti u s-servizzi kollha prodotti fl-ekonomija matul is-sena.

Din iċ-ċifra kienet primarjament ir-riżultat ta' żieda fid-domanda kemm domestika kif ukoll esterna permezz tan-nefqa fuq il-konsum, in-nefqa tad-djar, in-nefqa tal-gvern, l-esportazzjonijiet u għamliet oħrajn ta' nfiq.

Tabilħaqq, il-prodott gross domestiku bil-prezzijiet attwali żdied b'€281 miljun, li jitqassmu hekk: żieda ta' €64.5 miljun fil-ħlas lill-ħaddiema, żieda ta' €162.9 miljun fil-bilanċ pożittiv gross tal-operat tal-intrapriżi u żieda ta' €53.5 miljun fit-tassazzjoni netta fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet.

Matul l-istess żmien, il-valur miżjud gross ta' Malta żdied b'€218.4 miljun meta mqabbel mal-istess tliet xhur is-sena li għaddiet. Dan jirrappreżenta d-differenza bejn il-produzzjoni bi prezzijiet bażiċi u l-konsum intermedju bil-valur tal-prezzijiet tax-xerrejja.

Jekk inħarsu lejn dawn iċ-ċifri u l-pożizzjoni rispettiva ta' Malta fil-quċċata tal-klassifika tal-UE, jidher li l-ekonomija ta' Malta qed tmur dejjem għall-aħjar. Imma dawn iċ-ċifri waħedhom ma jistgħux jispjegaw il-qagħda soċjoekonomika ta' Malta.

Hawn taħt nagħti eżempju li jista' jgħin fl-ispjegazzjoni ta' dan.

Ħarsa ta' malajr lejn il-pajjiżi madwar id-dinja li bħalissa qiegħdin jesperjenzaw rati għoljin ta' tkabbir fil-prodott gross domestiku tagħhom turina li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn huma pajjiżi li qed jiżviluppaw u mhux dawk l-aktar żviluppati. It-tkabbir ekonomiku tagħhom irid jitqies flimkien ma' indikaturi oħrajn biex ikollna stampa valida tal-kwalità tal-ħajja tan-nies.

B'rabta ma' Malta, naħseb li wasal iż-żmien li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jintroduċi indikaturi addizzjonali li jkejlu l-kwalità ta' ħajja u l-livell ta' għajxien ta' gruppi soċjali differenti.

Għandu jkun f'pożizzjoni li jgħarraf lill-pubbliku kif il-prezzijiet jolqtu gruppi soċjali differenti. Il-prezzijiet tal-ikel ġeneralment ikollhom effett ikbar fuq dawk bi dħul baxx, għax dawn jonfqu parti akbar mid-dħul tagħhom biex jixtru prodotti bażiċi, meta mqabbla ma' dawk bi dħul ogħla. L-istess jista' jingħad għal prodotti u servizzi bażiċi oħrajn bħall-kera, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prodotti mediċinali.

Meta jiġu ppubblikati ċ-ċifri uffiċjali dwar l-għoli tal-ħajja, ma ssirx distinzjoni bejn livelli differenti ta' dħul, iżda fid-dinja reali hu ċar li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja li ngħata lill-ħaddiema u lill-pensjonanti mhuwiex realistiku.

Biex nagħti eżempju sempliċi ta’ dan: prodott bażiku tal-ikel li jiswa €1 jieħu wieħed fil-mija tad-dħul ta' xi ħadd li jaqla' €100. Iżda jieħu biss 0.1 fil-mija tad-dħul ta' xi ħadd li jaqla' €1,000. Il-prodott tal-ikel hu essenzjali għaż-żewġ persuni, iżda l-persuna li taqla' aktar qed tħallas proporzjonalment ħafna inqas mid-dħul tagħha biex tixtrih.

F'Lulju li għadda, il-President Marie Louise Coleiro Preca, b'rabta ma' studju mill-Osservatorju Nazzjonali għal Għajxien b'Dinjità u ċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Familji, li t-tnejn huma entitajiet ta' riċerka fi ħdan il-Fondazzjoni tagħha għall-Ġid tas-Soċjetà, qalet li l-ikel jikkostitwixxi l-akbar nefqa ta' familji b'erba' persuni f'Malta u Għawdex. Żiedet li madankollu, hu allarmanti li nagħrfu li, sabiex l-ikel li jikkunsmaw ikun meqjus tajjeb għas-saħħa u nadif, familji bħal dawn ikollhom jonfqu aktar minn €500 fix-xahar. Saħqet li dan hu ammont għoli żżejjed għal bosta familji, li jfisser li individwi li jbatu minn vulnerabbiltà jew prekarjat ta' kull xorta qed isibuha kważi impossibbli li jaċċessaw ikel adegwat.

Minbarra dan, għandna nqisu wkoll l-għadd dejjem jiżdied ta' persuni li qegħdin jiġu żgumbrati mill-postijiet li jkunu qed jikru u/jew li ma jkunux jistgħu jingħataw self mill-bank jew ilaħħqu mal-kera ta' proprjetà. Dan jinkludi wkoll persuni bi dħul medju ta' etajiet differenti.

Jekk mal-ispiża ta' €500 msemmija mill-President inżidu spejjeż oħra, fosthom il-kera, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prodotti mediċinali, u nqabbluhom mal-pagi f'Malta, il-matematika hija ċara daqs il-kristall.

 Dan l-artiklu deher fil-Mument, 16 ta' Diċembru 2018

No comments: