Sunday, December 30, 2018

Il-komunità bħala ċelebrazzjoni- Michael Briguglio

Ftit jiem ilu, l-iskola primarja tal-Kulleġġ Santa Klara f’Tas-Sliema kellha l-avveniment annwali tagħha tal-Jum ta’ Ċelebrazzjoni tal-Kisbiet. Meta kont tifel, dan kien jissejjaħ il-Kunċert tal-Milied u Jum il-Premjazzjoni, iżda l-isem il-ġdid hu maħsub biex jirrifletti ċ-ċelebrazzjoni u t-tħaddin tad-diversità.
Jien attendejt l-avveniment bħala ġenitur, u kont impressjonat mill-ħidma tal-iskola biex tibni komunità ta’ tagħlim, u b’hekk ikkonfermajt l-impressjoni pożittiva li ngħatajt tul is-snin li fihom ibni ilu jmur din l-iskola.
Fid-diskors ta’ merħba tagħha, il-Kap tal-Iskola Claudine Muscat tkellmet bl-Ingliż biex tiżgura li l-ġenituri kollha mill-għexieren ta’ nazzjonalitajiet differenti jifhmu u jħossu li huma parti mill-komunità, iżda tkellmet ukoll għal ftit ħin bil-Malti biex tiċċelebra l-wirt nazzjonali tagħna.
L-avveniment bilingwi nnifsu kien sintesi tal-popolazzjoni multinazzjonali tal-iskola u l-identità Maltija tagħha. It-tema tal-kunċert kienet ‘Il-Milied madwar id-Dinja’ – it-tfal ta’ nazzjonalitajiet differenti taw ix-xewqat għall-Milied b’lingwi differenti, u ntwerew id-drawwiet ta’ pajjiżi differenti lill-udjenza. Ġie ppreżentat ukoll proġett tal-arti tal-iskola dwar l-għaqda u d-diversità.
Dawk li ngħataw premju rriflettew abbiltajiet, nazzjonalitajiet u sessi differenti, u fi tmiem l-avveniment, tkanta l-innu nazzjonali Malti, li kien għeluq xieraq.
Nistgħu nqisu l-esperjenza pożittiva f’din l-iskola bħala mikrokożmu ta’ dak li s-soċjetà kontemporanja Maltija tista’ tkun qalb il-bidliet li għaddejja minnhom: magħquda fid-diversità, tħaddan kulturi differenti filwaqt li taqsam valuri u normi komuni.
L-għeruq Kattoliċi ta’ Malta jiġu ċċelebrati, iżda studenti bi twemmin differenti jew li jagħżlu s-suġġett tal-etika minflok dak tar-reliġjon ukoll jieħdu sehem attiv fl-iskola tagħhom. L-għalliema jagħtu attenzjoni individwali lit-tfal, u l-ġenituri jistennew lit-tfal tagħhom f’armonija wara l-iskola minkejja l-ambjenti soċjali, nazzjonali u oħrajn differenti. Barra minn hekk, l-iskola toffri servizzi barra mill-ħin tal-iskola għal dawk it-tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu x-xogħol qabel jew wara l-ħinijiet formali tal-iskola.
Issa li ibni David jinsab fl-aħħar sena tiegħu f’din l-iskola, nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu fl-iskola għall-għajnuna, il-ġenerożità u l-flessibilità tagħhom. Għax mhuwiex faċli li tkun flessibbli f’ambjent ta’ diversità kulturali. Iżda l-iskola turi li b’rieda tajba, pedagoġija professjonali u tmexxija dinamika, sfidi bħal dawn jinbidlu f’opportunitajiet ta’ bini ta’ komunità.
Tabilħaqq, l-iskola primarja ta’ Tas-Sliema tista’ titqies bħala każ li juri x’inhu l-kapital soċjali. Dan il-kunċett sar popolari permezz ta’ soċjologi bħal Robert Putnam li segwew l-istudju dwar il-komunità ta’ Amitai Etzioni, Emile Durkheim u oħrajn.
Hawnhekk, il-persuna tiġi maħsuba bħala entità bi drittijiet kif ukoll responsabbiltajiet fix-xibka ta’ relazzjonijiet u interazzjonijiet soċjali. Fost dawn hemm il-familja, il-ħbieb, l-iskola, l-assoċjazzjonijiet volontarji, il-knejjes, u l-ġirien. Il-persuna tinsab fi ħdan il-komunità u l-komunità tinsab fi ħdan il-persuna.
Din ix-xorta ta’ ħsieb tmur lil hinn mill-ideoloġiji tax-xellug u tal-lemin. Tikkonċentra fuq il-bini ta’ komunitajiet, fejn il-kooperazzjoni, in-networking u r-reċiproċità jgħinu biex tinbena fiduċja mifruxa u ċittadini aħjar. Din hi l-essenza tal-kapital soċjali: soċjetà b’sens ċiviku u bi spirtu pubbliku fejn kulħadd iħossu parti mill-komunità.
Ovvjament, irridu nistabbilixxu ċerti regoli biex approċċ bħal dan jirnexxi, iżda dawn ma għandhomx ikunu msejsa fuq l-ambjent, it-twemmin jew l-identità tal-persuna. Identitajiet differenti jistgħu jirrikonċiljaw jekk jaqsmu valuri bażiċi komuni bħar-rispett u t-tolleranza.
Jien nara dan kuljum fit-tifel tiegħi, li l-ikbar ħbieb tiegħu ġejjin minn ambjenti soċjali, nazzjonali u reliġjużi differenti. Għal dan infaħħar lill-iskola primarja ta’ Tas-Sliema.
F’Malta likwida moderna, il-politiċi u dawk li jfasslu l-politika jistgħu jitgħallmu minn eżempji bħal dawn. Ma nistgħux nerġgħu lura għan-nostalġija għal soċjetà idillika ineżistenti li jista’ jkun li anqas biss qatt eżistiet. Iżda nistgħu ninvestu f’politika li taħdem biex tirrikonċilja identitajiet differenti fi ħdan qafas ta’ valuri bażiċi.
Huwa veru li dejjem ser ikun hemm sfidi, inugwaljanzi u forom ta’ esklużjoni, iżda nuqqas ta’ investiment fil-kapital soċjali iwassal għal individwaliżmu bla rażan, għal nuqqas egoist ta’ perspettiva, għal intolleranza u għal ghettos soċjali.
Dan l-artiklu deher fil-Mument, 30 ta' Diċembru 2018