Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, December 02, 2018

Aktar dwar l-isfida fil-qasam tad-djar – Michael Briguglio


Fl-artiklu tiegħi l-ġimgħa l-oħra spjegajt li filwaqt li Malta għandha rata għolja ta’ persuni li huma sidien ta’ djarhom, il-pajjiż bħalissa qed jesperjenza wkoll prezzijiet projbittivi tad-djar, li qed iwasslu għal għadd dejjem jikber ta’ tkeċċijiet minn proprjetajiet mikrija, żgħażagħ li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom u persuni li jgħixu f’kundizzjonijiet subumani.
Fl-istess ħin il-pagi ta’ bosta persuni għadhom baxxi u ma jistgħux ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tad-djar.
Barra minn hekk, irrikonoxxejt li l-gvern fetaħ id-diskussjoni għal bidliet permezz tal-White Paper tiegħu dwar il-kera tal-proprjetà, iżda enfasizzajt li Malta teħtieġ ukoll soluzzjonijiet immedjati biex jiġu megħjuna n-numru dejjem jikber ta’ persuni li qed iħabbtu wiċċhom ma’ tbatijiet fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom bħalissa.
Tabilħaqq, jidher li f’Malta qed tinħoloq struttura ta’ klassijiet prevalenti msejsa fuq jekk persuna tkux sid ta’ darha jew le.
Nistgħu nagħmlu l-argument li d-disparità li teżisti fil-qasam tad-djar f’Malta bħalissa hija ħsara kollaterali minn gvern li ġera żżejjed bil-politika ekonomika tiegħu mingħajr pjan sostenibbli. Li niftħu l-bibien beraħ għal tkabbir ekonomiku mgħaġġel jitlob ippjanar, għax inkella nkunu qisna qed insuqu karozza mingħajr brejkijiet bl-ogħla veloċità.
Anke jekk il-gvern kellu l-aħjar intenzjonijiet b’rabta mal-politika ekonomika tiegħu, ma kienx għaqli li ma qiesx il-possibbiltà ta’ konsegwenzi mhux maħsuba bħal dawk li semmejt hawn fuq.
Waqt is-seminar, ta’ min ifaħħru, li sar dan l-aħħar dwar il-White Paper, organizzat fl-Università ta’ Malta flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għad-Djar, saru għadd ta’ mistoqsijiet minn dawk preżenti li jistħoqqilhom analiżi bir-reqqa u tweġibiet mill-gvern.
Fost oħrajn, ir-ri ċerka kollha li ġiet ikkonsultata mill-awturi tal-White Paper tista’ tiġi ppubblikata? Dan hu essenzjali biex issir evalwazzjoni minn akkademiċi li ma kinux involuti fit-tfassil tal-White Paper.
Ma għandi ebda dubju li l-awturi tal-White Paper għandhom il-kwalifiki meħtieġa u intenzjonijiet tajbin, iżda l-isfera tal-politika titlob li jsir eżami oġġettiv, minn pari, tal-evidenza biex jiġi aċċertat li dak li qed jiġi analizzat hu validu u ta’ min joqgħod fuqu, u biex jiġu indikati nuqqasijiet possibbli.
Mistoqsija oħra indirizzat in-numri tal-popolazzjoni ta’ Malta. Il-White Paper hi bbażata fuq numri attwali reali? Jista’ jkun il-każ li kemm in-numri tal-popolazzjoni kif ukoll in-numri tal-persuni li għaddejjin minn diffikultajiet marbutin mal-akkomodazzjoni huma ikbar minn dawk ippubblikati uffiċjalment?
Inċidentalment, l-istqarrija reċenti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li tgħid li kien għadd 20,000 ruħ inqas milli fil-fatt kienet il-popolazzjoni ta’ Malta waslet f’mument pjuttost xieraq. Għal darb’oħra nisħaq li ma niddubitax ir-reqqa tal-professjonisti ta’ dan l-Uffiċċju, iżda nistieden lill-gvern biex jagħmel ukoll forom oħra ta’ riċerka – fosthom riċerka kwalitattiva – biex jivverifika r-realtajiet tal-popolazzjoni.
It-tielet, il-gvern bħalissa qed isostni li l-prezzijiet tal-kera stabbilizzaw rwieħhom. Jista’ jagħtina aktar dettalji dwar dan? Għax dan mhuwiex dak li qed jgħidu n-nies.
Ir-raba’, x’inhu jagħmel il-gvern għall-għadd dejjem jiżdied ta’ persuni li qed jitkeċċew mill-postijiet li qed jikru u li ma għandhom ebda alternattiva dinjituża? Ma’ dawn irridu nżidu dawk kollha li għadhom ma tkeċċewx iżda li jinsabu mħassba ferm li dalwaqt imiss lilhom għax sempliċiment ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet projbittivi li qegħdin jintalbu jħallsu.
Dawn in-nies żgur mhumiex għaddejjin mill-aqwa żmien. U milli qiegħed nara, l-Awtorità tad-Djar ma għandhiex biżżejjed riżorsi biex tkampa ma’ dawn il-każijiet kollha, minkejja l-aħjar intenzjonijiet tal-ħaddiema tagħha.
Barra minn hekk, x’inhu jagħmel il-gvern għaż-żgħażagħ kollha bi dħul medju li ma jistgħux ilaħħqu mal-prezzijiet tal-kera u li mhumiex ser jingħataw self mill-banek? In-numri tagħhom huma moħbija fl-istatistika tas-sjieda tad-djar, iżda l-fatt hu li m’għandhom ebda għażla ħlief li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom biex jevitaw akkomodazzjoni substandard bħal kmamar maqsuma bejn għadd ta’ persuni.
Mistoqsija oħra li saret waqt is-seminar kienet dwar limiti fuq il-prezzijiet għall-proprjetà mikrija. Għall-ewwel jistgħu jidhru pożittivi għal min jikri, iżda għal darb’oħra, jista’ jkollhom konsegwenzi mhux maħsuba.
Jekk jiġu introdotti limiti bħal dawn, is-sidien tal-proprjetà jistgħu jiddeċiedu li jneħħu l-proprjetà tagħhom mis-suq tal-kera, u b’hekk tonqos il-provvista u b’konsegwenza ta’ dan jiżdiedu l-prezzijiet tal-proprjetajiet disponibbli, sakemm ma jiddaħħlux proprjetajiet ġodda fis-suq biex jikkumpensaw għal dan it-tnaqqis. B’rabta ma’ dan, huwa importanti wkoll li jitħarsu s-sidien li jikru l-proprjetà tagħhom – dawn mhux kollha huma sinjuri.
Għalhekk, x’jista’ jsir biex jiġu megħjuna persuni foqra, u dawk bi dħul baxx u medju li mhumiex sidien ta’ proprjetà u li qed isibuha impossibbli li jixtru jew jikru akkomodazzjoni deċenti? Ser niddiskuti dan fl-artiklu li jmiss tiegħi.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 2 ta' Diċembru 2018

No comments: