Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Saturday, July 28, 2018

Konsultazzjoni xierqa dwar l-iżvilupp - Michael Briguglio



Studju li sar dan l-aħħar minn tliet akkademiċi Daniżi jevalwa l-parteċipazzjoni pubblika fil-politika urbana. L-istudju ta' Marie Leth Meilvang, Hjalmar Bang Carlsen u Anders Blok deher fil-European Journal of Cultural and Political Sociology u janalizza l-bidliet reċenti fl-għamliet kulturali-politiċi tal-parteċipazzjoni ċivika fl-ippjanar urbanistiku formali fid-Danimarka.



Dan l-istudju juri kif f'dawn l-aħħar 40 sena, il-parteċipazzjoni ċivika fl-ippjanar urbanistiku kienet ikkaratterizzata minn tensjonijiet dwar il-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Din is-sitwazzjoni ġiet studjata b'modi differenti fi ħdan approċċ akkademiku definit bħala soċjoloġija pragmatika.



Mod wieħed kif nagħtu ħarsa lejn tensjonijiet bħal dawn huwa billi nanalizzaw il-prattiki u l-proċessi ta' ġustifikazzjoni, kritika u kompromess fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Approċċ ieħor fil-qasam janalizza kif l-involviment tal-pubbliku jiddependi mill-familjarità tal-persuni involuti mal-postijiet ikkonċernati, filwaqt li approċċ ieħor janalizza kif l-ibliet jiġu ordnati permezz ta' miri u indikaturi li jistgħu jitkejlu, li jinkludu u jeskludu prattiki rispettivi.



Fid-Danimarka u għadd ta' stati membri oħrajn tal-UE, il-kunsilli lokali għandhom ir-responsabbiltà demokratika aħħarija għall-ippjanar, u l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jikkoordinaw proċeduri ta' parteċipazzjoni formali u informali, li jinvolvu ċittadini ordinarji, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), gruppi ta' interess u oħrajn. Ir-reazzjonijiet rispettivi tagħhom għall-proposti ta' żvilupp jintbagħtu lill-awtoritajiet u b'hekk tiġi stimulata 'konverżazzjoni', fejn ikun hemm djalogu bejn kritika u ġustifikazzjonijiet.



Djalogu bħal dan iseħħ f'laqgħat ta' interess u sessjonijiet ta' ħidma, u d-differenzi fil-fehmiet u l-opinjonijiet jiġu rikonoxxuti u mħeġġa bħala kontributi siewja għall-ippjanar urbanistiku.



Dan l-istudju sibtu utli ħafna għall-kuntest Malti. L-esperjenza tiegħi fil-politika lokali u r-riċerka soċjoloġika tiegħi wassluni biex nikkonkludi li l-konsultazzjoni pubblika hi proċess inkonsistenti f'Malta. Jekk Malta kienet miexja bil-mod lejn aktar razzjonalizzazzjoni u standardizzazzjoni wara li ssieħbet fl-UE, illum in-norma l-ġdida hi li jitbaxxew dejjem aktar l-istandards.



Tabilħaqq, sikwit ħafna, l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp jiġu approvati, għall-ġid tal-applikanti u tal-interessi politiċi dominanti. Il-kwantità tal-applikazzjonijiet tirbaħ fuq il-kwalità tagħhom, u dan iwassal għall-industrijalizzazzjoni tal-permessi.



Il-parir espert, inkluż dak minn sorsi interni, ta’ spiss jingħata anqas importanza milli tingħata l-pressjoni politika. Mhux ta' b'xejn li l-esperti qed jitilqu minn strutturi bħall-Awtorità tal-Ippjanar.



Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal dan, u sikwit dawn ikunu kkaratterizzati minn oppożizzjoni b'saħħitha mir-residenti, NGOs ambjentali, kunsilli lokali, mill-inqas partit politiku ewlieni wieħed u rappurtar fil-mezzi tax-xandir.



Għaldaqstant, il-proċessi Maltin ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp għandhom element politiku qawwi, bil-politiċi spiss jaġixxu bħala intermedjarji jew intraprendituri favur jew kontra dawn il-proposti. Il-pajsaġġi urbani u rurali joffru l-materja prima għal dawn id-diskussjonijiet.



Relazzjonijiet mill-qrib ma' intraprendituri politiċi għalhekk jistgħu jkunu investiment tajjeb kemm għal dawk li jkunu qed jipproponu kif ukoll għal dawk li jkunu qed jopponu proposti speċifiċi. Il-politiċi li jgawdu s-setgħa tal-kariga tagħhom għandhom aktar riżorsi, iżda s-setgħa tagħhom qatt ma hi bla limitu, u huwa għalhekk li jinfetħu twieqi ta' opportunità għall-oppożizzjoni.



L-applikazzjonijiet għall-iżvilupp dejjem ser ikollhom implikazzjonijiet politiċi sa ċertu punt, iżda nemmen li wasal iż-żmien li Malta tibda tieħu dawn il-proċessi tassew bis-serjetà. Ma jkunx aħjar kieku l-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati tkun strutturata aħjar u kieku l-ilħna tal-esperti jingħataw aktar importanza?



L-eżempju Daniż li semmejt jipprovdi xi metodi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'Malta. Madankollu dawn ikunu jinvolvu s-sussidjarjetà, fejn il-kunsilli lokali jingħataw aktar awtorità milli għandhom bħalissa, u fejn il-konsultazzjoni tkun aktar organika u djaloġika, bl-involviment ta' partijiet ikkonċernati differenti u medjazzjoni minn esperti fdati.



Xi nies isaqsu x'inhi l-pożizzjoni tal-UE fi kwistjonijiet bħal dawn. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, Malta twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fuq proposti kbar għall-iżvilupp, u b'hekk tħares ir-rekwiżiti bażiċi tal-UE. Iżda wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-kwalità u mhux biss il-kwantità ta' valutazzjonijiet bħal dawn, u wasal ukoll iż-żmien li nipproponu li l-impatt kumulattiv tal-iżvilupp fuq skala żgħira kollu li qed isir jingħata aktar importanza milli qed jingħata bħalissa.



Għal din ir-raġuni Malta teħtieġ gvern iżgħar u inqas interferenza politika fit-teħid tad-deċizzjonijiet dwar proposti ta’ żvilupp u soċjetà u kontribut espert ikbar f'dan il-qasam. Ir-rwol tal-politiċi għandu jkun it-titjib u l-iskrutinju tat-tfassil tal-politika fuq il-livell lokali, dak nazzjonali u dak Ewropew.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 29 ta' Lulju 2018

No comments: