Sociologist, Local Councillor, Politician from Malta
MEP Candidate - Partit Nazzjonalista (EPP).

Sunday, May 27, 2018

Il-pensjoni sservi? – Michael Briguglio



M’huwiex sigriet li hafna pensjonanti f’Malta qed ikollhom diffikultajiet kbar biex ilaħħqu ma’ l-għoli tal-hajja.



F’dan ir-rigward tajjeb li wieħed jirreferi għall-pension adequacy report 2018 li ppublikat il-Kummissjoni Ewropea. Dan ir-rapport, li joħroġ kull tliet snin, jgħid li Malta’s pensions protect against absolute poverty, but they do not constitute an adequate income replacement and as such pensioners are currently facing difficulties in making ends meet’.  



Ir-rapport ikopri l-perjodu 2008-2016 u jirreferi għal riformi li saru specjalment fl-2014. Jgħid li filwaqt li dawn għenu biex is-sistema ssir iktar sostenibbli, għad hemm sfida kbira dwar kemm il-pensjonijiet huma adegwati. Personalment nemmen li anke is-sostentibilita’ għandha tiġi evalwata, iżda ser nagħmel dan f’artiklu sussegwenti.



Qabel ma nkompli, ta’ min infakkar li s-sistema tal-pensjoni f’Malta hija maqsuma f’zewg skemi: waħda kontributorja ibbażata fuq il-ħlas tal-bolol meta wieħed ikun impjegat u waħda mhux kontributorja għal dawk li m’humiex koperti b’dik ta’ l-ewwel.



Is-sistema preżenti tippermetti li pensjonanti jibqgħu jaħdmu sa l-eta’ ta’ 65, li jħallsu l-bolol tul dawn is-snin żejda iżda li ma jgawdux minn beneficcji ta’ pensjonijiet minn dawn il-ħlasijiet.



Malta tippermetti ukoll pensjonijiet privati u volontarji. Izda r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea tgħid ukoll li illum eluf ta’ ħaddiema ma jaffordjawx jinvestu f’din it-tip ta’ pensjoni.



Ta’ min jgħid li dawn kienu fis-seħħ ukoll qabel ma ġew mgħaksa mill-Gvern ta’ Mintoff fis-sebgħinijiet, u din waslet ghal sitwazzjoni diskriminatorja għal pensjonanti illum.  Il-pjan ta’ Mintoff kien li jiddiskrimina favur dawk intitolati għal pensjoni baxxa, iżda li ġara kien li l-pensjoni b’saqaf u  taż-żewġ terzi ma baqghetx tirrifletti pensjoni relatata mad-dhul, b’riżultat li ħafna nies raw il-livell ta’ l-għixien tagħhom tmur lura malli jidħlu fl-eta’ pensjonabbli.



Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jgħid li d-dħul relattiv ta’ l-anzjani qed imur lura u li t-tkabbir ekonomiku wassal għal prezzijiet għola ta’ servizzi u prodotti bhal dawk medicinali, kera u komunikazzjoni.



Għalhekk, ir-rapport juri li f’Malta wieħed ma jistax jissopravivi b’pensjoni. Nisa ta’ 65 sena jew ikbar huma ġeneralment f’sitwazzjoni agħar mill-irġiel ta’ l-istess eta’ , u differenza bejn is-sessi hi waħda mill-għola fl-UE. Ir-riskju tal-faqar jew esklużjoni socjali għal persuni ta’ eta’ ikbar żdiedet, specjalment għal min għandu 75 sena jew iktar, anke jekk kien hemm titjib fir-relative poverty gap fost persuni ta’ 65 sena jew iktar.



Dan ir-rapport jagħmel numru ta’ proposti għal pensjonijiet adekwati f’Malta. Dawn jinkludu mekkaniżmu li jiżgura li l-kontribuzzjoni ta’ bolol wara l-eta’ ta’ irtirar ikun rifless fil-pensjoni, li l-pensjoni tiżdied permezz ta’ formula li tirrifletti 50 fil-mija inflazzjoni tal-pagi u 50 fil-mija inflazzjoni tal-prezzijiet, kif ukoll il-possibilita’ li min irid ikollu pensjoni privata minflok dik ta’ l-istat.



Huwa car li hafna pensjonanti mhux qed jgħixu l-aqwa żmien u li jiddependu minn dħul ieħor, assistenza jew sagrificcji personali biex ilaħħqu ma’ l-għoli tal-ħajja. Jeħtieg kunsens nazzjonali fil-politika tal-pensjonijiet. Is-solidarjeta’ bejn il-generazzjonijiet hi pilastru ewlieni ta’ socjeta li tadher.

Dan l-artiklu deher fil-Mument, 27 ta' Mejju 2018

No comments: