Sunday, December 03, 2017

Niltaqghu il-Belt - Michael Briguglio

Il-Mument 3 ta' Dicembru 2017

Illum ser niltaqghu l-Belt Valletta, fl-4pm biex insemmghu lehinna ghall-gustizzja.

Gustizzja ghall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia wara l-qtil brutali taghha. Gustizzja ghall-whistleblowers li ghandhom hajjithom fil-periklu. U gustizzja ghall-Malta wara l-kollass ta’ istituzzjonijiet bhall-Pulizija u l-Avukat tal-Gvern.

Sejrin il-Belt ghax qed ninsistu li l-gvern ineħħi l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ta' Malta minħabba n-nuqqas ta' azzjoni tagħhom kontra l-korruzzjoni u n-nuqqas ta' kollaborazzjoni mal-Ġudikatura, kif enfasizzat dan l-aħħar mill-Prim Imħallef. Is-sostituti tagħhom għandu jkollhom l-appoġġ ta' mill-inqas żewġ terzi tal-parlament, fi spirtu ta' kunsens.

Serjrin il-Belt ukoll biex ninnotaw li avolja l-gvern laqa' l-proposti tas-socjeta’ civili għar-riforma kostituzzjonali, l-appogg taghna mhuwiex awtomatiku. L-appogg jingħata bil-kundizzjoni li l-proċess ikun onest, immexxi minn persuni fdati universalment, bi trasparenza u bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. S'issa, il-gvern ħareġ biss stqarrijiet vagi dwar il-kwistjoni.

Sejrin il-Belt biex nistqarru li nappoggaw lill-familja Caruana Galizia fit-talba tagħhom għat-tneħħija tal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta mill-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Minħabba li l-Assistent Kummissarju Valletta hu r-raġel ta' ministru, dan jinfluwenza l-oġġettività u l-imparzjalità meħtieġa f'dawn iċ-ċirkostanzi.

Malta diġà hija ferm politiċizzata. L-aħħar ħaġa li jonqsu l-pajjiż hu nuqqas ta' fiduċja f'dawk li suppost jiddefendu l-istat tad-dritt. Is-Sur Valletta għandu jkollu l-kuraġġ u d-diċenza li jirtira mill-każ.

Sejrin il-Belt ukoll biex nuru solidarjeta’ lejn il-whistleblower Maria Efimova kif ukoll l-ex Spettur tal-Pulizija u ex Uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris. Dawn stqarrew li minħabba l-informazzjoni li għandhom fir-rigward ta’ attivitajiet kriminali b’konnessjoni ma’ Malta kif ukoll minħabba l-fatt li huma rrifjutaw li jibqgħu siekta fuq każijiet ta’ attivitajiet kriminali huma jħossu li ħajjithom tinsab fil-periklu.

L-awtoritajiet Maltin, b’mod speċifiku l-Korp tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, ghandhom jaghtu l-protezzjoni kollha meħtieġa lil dawk il-persuni li minħabba l-informazzjoni li għandhom jew minħabba l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra l-kriminalità jinsabu esposti għal riskju ta’ attakki fuq ħajjithom jew fuq il-ħajja tal-familja tagħhom.

Huwa ghalhekk li l-kelliem ewlieni tad-dimostrazzjoni ser ikun il-prosekutur kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro, magħruf għal 'Mani Pulite' fis-snin disghin fl-Italja. Kien Di Pietro li kixef il-korruzzjoni u 'tangentopoli' fl-Italja, u wassal għal bosta riformi fis-sistema politika.

Nies ta’ rieda tajba, niltaqghu fl-4pm fil-Belt Valletta. Illum. Flimkien nistghu naslu. Flimkien nistghu niddefendu isem pajjizna mill-mewga ta’ korruzzjoni, nuqqas ta’ sigurta’  u governanza hazina.