Sociologist, local councillor, activist from Malta

Monday, May 02, 2016

Michael Briguglio intervistat minn John Bundy

"Il-PM ttratta lin-nies bħallikieku ma jaħsbux"
Beppe Galea  - 
L-eks-Ċermen ta' Alternattiva Demokratika Michael Briguglio qal li jiddispjaċih li l-Prim Ministru qed jittratta lin-nies bħallikieku ma jaħsbux.
Fil-programm Ma’ Bundy fuq RTK Dr Michael Briguglio qal li bir-reshuffle li għamel il-Ħamis li għadda, il-Prim Ministru qed jagħti l-impressjoni li kulħadd jista’ jagħmel li jrid u ma jiġri xejn.
Qal li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jżomm lill-Ministru Konrad Mizzi u jżommu f’Kastilja fejn qal li “aktarx se jkollu aktar saħħa”.
Filwaqt li rrikonoxxa li ekonomikament pajjiżna sejjer tajjeb il-PM qed jagħti l-impressjoni li kulħadd jista’ jagħmel li jrid u ma jiġri xejn sostna li “pajjiżna jistħoqlu ħafna aħjar.”
Fil-programm, Briguglio tkellem ukoll dwar in-netwerk tas-soċjetà ċivili li nhar is-Sibt se jorganizza protesta fil-Belt.
“Meta tiftaħ kontijiet fil-Panama jibdew jixegħlu l-bozoz il-ħomor”
Il-membri tan-netwerk tas-soċjetà ċivili qed jitolbu r-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri għaliex huma esposti fil-każ tal-Panama Papers.
Għal diversi drabi Dr Briguglio qabbel is-sitwazzjoni ta’ dawn il-politiċi Maltin ma’ politiċi minn pajjiżi oħrajn fosthom il-Prim Ministru tal-Iżlanda u l-Ministru Spanjol li t-tnejn kellhom jirreżenjaw.
Fakkar kif fil-każ ta’ Swiss Leaks, il-Prim Ministru qal li dawn l-affarijiet huma “inaċċettabbli u li kieku l-Prim Ministru mexa bl-istess riga kien ikeċċi lill-Ministru Mizzi”, tenna Briguglio.
"Il-ħidma ta' Konrad Mizzi mmtappna b'nuqqas ta' trasparenza"
Mistoqsi dwar il-ħidma tal-Ministru Konrad Mizzi, Michael Briguglio qal li sa issa, il-wiegħda tal-power station ma twettqitx u hi mtappna b’nuqqas kbir ta’ trasparenza minħabba li l-kuntratti għadhom ma ġewx ippubblikati. Sostna li t-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma seta’ ġie anke minħabba l-prezzijiet irħas tal-enerġija mill-interconnector.
Qal li ma jaqbilx mal-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern li ressqet l-Oppożizzjoni għax qal li permezz ta’ din il-mozzjoni saħħet il-Gvern għax hemm Ministri li qed jaħdmu sewwa.
"In-netwerk tas-soċjetà ċivili m'għandux irbit politiku"
Fisser li n-netwerk huwa ffurmat minn nies li ġejjin minn partiti politiċi differenti u li jemmnu li Malta jixirqilha governanza tajba.
Qal li f’Malta reġa’ hawn il-biża’ u bħala bniedem liberu li jitkellem kif irid iħossu fid-dmir li jirrappreżenta lil ħaddieħor li mhux daqshekk liberu li jitkellem.
Temm jgħid li "fis-soċjetà ċivili inħasset il-ħtieġa li jkun hemm vuċi ħielsa li tirrappreżenta lil Maltin u mhix estensjoni tal-ebda partit."





No comments: