Sociologist, local councillor, activist from Malta

Saturday, June 02, 2012

Imigrazzjoni - lil hinn mill-popoliżmu

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 2 ta'Gunju 2012
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=15582


Għaxar snin wara li bdejna naraw dgħajjes mimlijin b’immigranti mill-Afrika ġejjin lejn Malta, għad hawn min irid ibellagħha lill-poplu li dan hu fenomenu temporanju, meta huwa ċar li dan mhux il-każ.

Huwa tajjeb li l-Gvern jaħdem biex refuġjati jmorru lejn pajjiżi oħrajn, bħal dawk fl-UE u fl-Istati Uniti tal-Amerika, u wieħed jifhem ukoll li hemm min ma jikkwalifikax għall-ażil. Iżda l-integrazzjoni ta’ dawk li jibqgħu f’Malta għandha tingħata prijorità wkoll.

Il-Gvern għandu jxammar il-kmiem u jagħti iktar attenzjoni lill-problema tar-razziżmu f’attivitaijiet bħax-xogħol. Kulħadd jaf kemm huma sfruttati bosta immigranti, u kemm jingħataw pagi baxxi meta mqabblin ma’ sħabhom ħaddiema Maltin. Din hi inġusta kemm għall-immigranti kif ukoll għall-ħaddiema Maltin, li qed jaraw kompetizzjoni inġusta f’kuntest kapitalist li jġiegħel lill-ħaddiema jikkompetu bejniethom f’tiġrija sal-qiegħ. Dan ifisser ukoll li qed titkattar l-ekonomija s-sewda, b’detriment għall-fondi pubbliċi.

Fil-każ ta’ immigranti li ma jikkwalifikawx għall-ażil iżda li jibqgħu f’Malta għal xi żmien minħabba li proċeduri għad-deportazzjoni għal xi pajjiżi ddum, dawn għandhom jingħataw ktieb tax-xogħol temporanju. Illum qed jingħataw dak li jissejjaħ “permit to work” (għall-kuntarju ta’ “work permit”) li tfisser li jiddependu mill-bona volontà ta’ min iħaddimhom biex japplikalhom għal ktieb tax-xogħol. Dan jagħti lok għal ħafna abbuż u sfruttar.

Il-Gvern għandu jirrevedi l-politika tiegħu dwar detenzjoni twila, li ġiet meqjusa bħala vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-Kummissjoni Internazzjonali tal-Ġuristi (International Commission of Jurists - ICJ).

Alternattiva Demokratika (AD) tqis iż-żmien ta’ 18-il xahar ta’ detenzjoni massima bħala waħda li mhux biss hija inumana, iżda wkoll li hi ħela ta’ riżorsi u mhux bżonnjuża. Din hi l-ikbar kawża ta’ ffullar fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, u hi kritikata ferm mill-ICJ.

AD qed tipproponi li l-perjodu massimu ta’ detenzjoni jonqos għal sitt xhur. Jekk vera jkun hemm il-ħtieġa, jeżistu alternattivi biex jiġu mmonitorjati persuni, bħall-iffirmar fl-għases tal-pulizija u testijiet ta’ saħħa mandatorji.

Għalhekk, wasal iż-żmien li pajjiżna jadotta politika iktar sensibbli u soċjalment ġusta fil-qasam tal-immigrazzjoni, lil hinn mir-retorika popolista, li hi bbażata fuq premessi u tamiet foloz.

Michael Briguglio huwa ċ-Ċermen ta' Alternattiva Demokratika (Partit tal-Ħodor).

No comments: