Sociologist, local councillor, activist from Malta

Sunday, May 06, 2012

Il-ħaddiema llum

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 5 ta'Mejju 2012
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=15040


Nixtieq nitkellem dwar xi sfidi li nikkunsidra bħala importanti għall-unjins u l-ħaddiema f’Malta.

Biex nibda, ma naqbilx ma’ dawk li jemmnu li l-klassi soċjali spiċċat. Jekk xejn, id-differenzi bejn il-klassijiet qed jikbru f’kuntest ta’ kriżijiet ekonomiċi u miżuri ta’ awsterità.

Il-fatt bażiku li ħaddiema jbiegħu ix-xogħol tagħhom lil min jimpjegahom għadu jreġi, u minnu nnifsu, dan jirrappreżenta inugwaljanza fis-soċjetà ta’ żminijietna.

Min-naħa l-oħra, il-klassi tal-ħaddiema hija diversifikata mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tip ta’ impjieg, kundizzjonijiet ta’ xogħol u fatturi strutturali oħrajn, iżda hija karatterizzata wkoll minn differenzi fil-perċezzjonijiet, aspirazzjonijiet, stil ta’ ħajja u affiljazzjoni politika. Dawn id-diverġenzi jistgħu jispjegaw għal xiex Malta m’għandhiex vuċi magħquda dwar kwistjonijiet ta’ importanza kbira għall-ħaddiema.

Kwistjoni importanti f’dan ir-rigward hi li jkun hemm assessjar realistiku tal-COLA, sabiex il-kumpens ta’ kull sena verament jirrifletti ż-żieda fl-inflazzjoni. Għalhekk, għandu jkun hemm riforma fil-metodoloġija li tintuża f’dan ir-rigward.

Alternattiva Demokratika ilha titlob ukoll għal żieda fil-paga minima u għal reviżjoni fil-mod kif din tiġi kkalkulata. Aħna sodisfatti li apparti organizzazzjonijiet progressivi oħrajn, issa anki l-Caritas qed tagħmel din it-talba.

Żieda fil-paga minima għandha tingħata wkoll lill-ħaddiema part-time u lil dawk li qed jiġu sfurzati jirreġistraw bħala self-employed. Dan jgħin sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ ħaddiema b’paga baxxa. Dan ikun ta’ inkurraġiment sabiex iktar persuni jidħlu f’impjieg formali, u jinkoraġġixxi iktar produttività fil-proċess.

Kwistjoni oħra ta’ importanza kbira hi dik tax-xogħol prekarju. In-nuqqas ta’ sigurtà u kundizzjonijiet ħżiena ta’ xogħol qed jinfirxu f’setturi varji tal-ekonomija, minn xogħol ta’ tindif sa xogħol ta’ riċerka. Fl-istess ħin, hija ħaġa pożittiva li daħlet liġi li tagħti ċerti salvagwardji sabiex ħaddiema ma jiġux sfurzati li jiddikjaraw xogħolhom bħala self-employed. Iżda hemm aspetti oħrajn ta’ xogħol prekarju, bħal nuqqas ta’ sigurtà u pagi baxxi.

Dan qed iżid l-istress, l-ansjetà u r-riskji lill-ħaddiema li ma jistgħux jippjanaw minħaba nuqqas ta’ sigurtà, jew li ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, ġieli anki b’paga iktar baxxa mill-paga minima.

Il-Gvern u l-MCESD għandhom juru determinazzjoni ikbar kontra dawn is-sitwazzjonijiet. Il-Gvern għandu jagħti l-eżempju billi jwaqqaf kuntratti pubbliċi bbażati fuq kundizzjonijiet inaċċettabbli. Għandhom jiġu introdotti livelli ċari f’dan ir-rigward.

Alternattiva Demokratika temmen ukoll li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tingħata iktar importanza fil-politika dwar l-impjiegi.

Dan m’għandux ifisser biss li jkun hemm persentaġġ ikbar ta’ nisa b’impjieg, jew li jkun hemm biss żieda ta’ nisa fi grad maniġerjali. Li hemm bżonn iktar u iktar hu li jkun hemm politika soċjali iktar egalitarja, li tagħti prijorità għall-job sharing, ħinijiet ta’ xogħol flessibbli b’għażla tal-ħaddiem, childcare centres aċċessibbli – inkluż wara l-ħin tal-iskola, u affarijiet oħrajn simili.

Il-lijv tal-ġenituri għandu jibqa’ jiżdied lejn in-norma fl-Unjoni Ewropea, u l-Gvern għandu jibqa’ jerfa’ parti min-nefqa għal dan.

Il-politika soċjali Maltija għandha tippromwovi l-kunċett ta’ universal caregivers, fejn in-nisa u l-irġiel – irrispettivament mill-qagħda tagħhom – għandhom ikunu attivi kemm fl-isfera pubblika (impjieg, soċjetà ċivili, ħin ħieles, fost oħrajn) kif ukoll fl-isfera privata (ħarsien tad-dipendenti u oħrajn).

Barra minn hekk, għandna naspiraw ukoll sabiex ikollna inqas ħin ta’ xogħol u iktar ħin ħieles. Dan għandu jkun iktar ottenibbli f’kuntest ta’ produttività akbar.

Ġaladarba l-unjins tal-ħaddiema kienu u għadhom kruċjali fir-rebħiet tal-klassi tal-ħaddiema, aħna nappellaw lill-istess unjins sabiex iżidu l-attiviżmu favur kategoriji u gruppi li qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanza fid-dinja tax-xogħol. Dawn jinkludu persuni b’diżabilità, immigranti, eks-ħabsin u ħaddiema anzjani.

Proposti oħrajn li nappoġġjaw jinkludu li l-closed shops isiru illegali; li jkun hemm vot sigriet bejn il-ħaddiema qabel azzjoni industrijali; u li kull kuntratt definit li jiġi mġedded għal aktar minn sena għandu jitqies awtomatikament bħala kuntratt indefinit.

L-aħħar, iżda żgur li mhux l-inqas, flimkien ma’ partiti ħodor oħrajn, ma’ unjins tal-ħaddiema u mal-Ġnus Magħquda, AD tappoġġja l-viżjoni tal-Green New Deal.

Din il-viżjoni taspira għall-ġenerazzjoni ta’ green jobs f’oqsma bħall-edukazzjoni, informatika, trasport, turiżmu, immaniġġjar tal-iskart, agrikultura u oħrajn. Permezz ta’ dan, jinħoloq ix-xogħol filwaqt li jiġi protett l-ambjent.

Iżda, l-istess bħal f’kull settur ieħor tal-ekonomija, għandu jiġi żgurat li impjiegi ġodda ma jkunux prekarji.
Għad irridu naraw jekk sidien humiex lesti jirrikorru għal iktar investiment sostenibbli u jekk il-Gvern huwiex lest jagħti iktar inċentivi f’dan il-qasam.

Alternattiva Demokratika temmen li l-istat għandu rwol ewlieni biex tiġi żgurata politika soċjali, ambjentali u ekonomika li tkun ġusta u sostenibbli, u li jaffettaw b’mod pożittiv il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-kwalità tal-ħajja. Bħalma qed naraw fil-qasam tal-enerġija, governanza dgħajfa u nuqqas ta’ ppjanar qed iwasslu għal tbatijiet għal ħafna ħaddiema.

Bl-istess mod, nemmnu li l-unjins tal-ħaddiema huma kruċjali fl-attiviżmu tal-ħaddiema għal ħajja iktar dinjituża

Għalhekk, għandi żewġ appelli.

L-ewwel, li l-unjins jibbażaw l-attiviżmu tagħhom fl-interess tal-klassi tal-ħaddiema, u mhux fuq partiġġjaniżmu tribali.

It-tieni, li l-unjins ikattru iktar alleanzi fuq livelli nazzjonali, Ewropej u globali, mhux biss ma’ unjins oħrajn, iżda wkoll ma’ movimenti oħrajn, fil-ġlieda għal Ewropa u dinja iktar soċjali, ekoloġika u sostenibbli.

Michael Briguglio huwa ċ-Ċermen ta’ Alternattiva Demokratika.


No comments: