Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, March 03, 2012

Kunsilli verament tar-residenti

Michael Briguglio

3 ta'Marzu 2012
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=13775


Fl-10 ta’ Marzu nistieden lil dawk ta’ rieda tajba sabiex jivvutaw għal kunsilli verament tar-residenti.

Mhux għal kunsilli li huma maħkuma minn lobbies bħall-iżviluppaturi kbar li qed ikissru l-lokalitajiet tagħna. Mhux għal kunsilli maħkuma minn qasma partiġġjana u piki personali. Iżda għal kunsilli li jħarsu ’l quddiem, li jagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Il-politika ta’ Alternattiva Demokratika tmur lil hinn mill-qasma partiġġjana, u kunsilliera ta’ AD dejjem ħadmu sabiex l-interess tar-residenti jiġi l-ewwel u qabel kollox.

Hekk għamel Ralph Cassar f’Ħ’Attard, fejn għaqqad il-membri tal-kunsill kontra żvilupp qerriedi f’Wied Inċita. Hekk għamilt jien, meta bejn l-2003 u l-2009 irnexxielna nwaqqfu żvilupp qerriedi fil-Pjazzetta, fix-Chalet u fil-Ġnien ta’ Qui-si-sana f’Tas-Sliema.

Filwaqt li fil-preżent, il-Kunsill Lokali tal-Mosta, il-PL u l-PN huma siekta, Alternattiva Demokratika qed topponi l-iżvilupp skandaluż f’Wied il-Għasel. F’San Ġiljan, aħna biss qed niddefendu lir-residenti minn iktar ħtif tal-kosta mill-iżviluppaturi ta’ Portomaso.

Fil-Gżira, Alternattiva biss qed titkellem sabiex Manoel Island tkun verament tar-residenti, u mhux ta’ żviluppaturi kbar li jridu casinò, bini ta’ ħames sulari u iktar appartamenti.

Fis-Swieqi ċaqlaqna l-awtoritajiet sabiex jibda x-xogħol għal ċentru tal-komunità, avolja l-Gvern, f’paniku elettorali, beda jaħdem mingħajr il-permessi meħtieġa!

Fil-Munxar, konna aħna li tkellimna kontra t-tfigħ ta’ siment fl-irdumijiet mis-sindku. F’lokalitajiet oħra, minn San Pawl sa Ħal Balzan sa Ħal Qormi,

Alternattiva Demokratika qed titkellem fuq kwistjonijiet li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, mit-tniġġiż tal-arja sal-bankini u toroq aċċessibbli.

Alternattiva Demokratika, għall-kuntrarju ta’ partiti oħrajn, hi ħielsa mid-dominju ta’ interessi bħall-żviluppaturi kbar. Għalhekk, nistgħu ngħiduha kif inhi, u nistgħu noħorġu għonqna għar-residenti mingħajr ħadd ma jiġbdilna l-ispaga.

Per eżempju, fil-preżent għandha toroq qishom wiċċ il-qamar, u bankini mkissrin. X’qed jagħmlu l-partiti l-oħrajn għall-anzjani, għal dawk bil-puschairs, għall-persuni b’diżabilità? Xejn. Ma jmorrux jirfsu xi kallu ta’ xi żviluppatur.

Għall-kuntrarju, kunsilliera ta’ Alternattiva se jisħqu li l-kostruzzjoni ssir kif suppost, li t-trakkijiet ma jiġux mgħobbija żżejjed, u li l-awtoritajiet verament jinfurzaw kontra t-tkissir tat-toroq u l-bankini.

Kunsilliera ta’ Alternattiva jiżguraw ukoll li l-kunsilli lokali joġġezzjonaw għal żvilupp mhux sostenibbli.

Il-kandidati ta’ AD għandhom l-esperjenza meħtieġa sabiex jaqbżu għad-drittijiet tar-residenti, sabiex jaħdmu bi sħab ma’ għaqdiet volontarji, u sabiex jgħassu kontra abbuż bħalma ġara f’Tas-Sliema u l-Mosta.

Il-kandidati ta’ AD jistgħu jservu ta’ pont bejn iż-żewġ partiti l-oħra, u b’hekk jaħdmu verament għal-lokalità. Kemm-il darba kienu l-proposti u l-pressjoni ta’ Alternattiva li servew għal titjib f’ċerti lokalitajiet. Konna aħna li minn dejjem tkellimna favur ambjent aħjar; għall-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli; u għal infrastruttura aċċessibbli.

Huwa għalhekk, Alternattiva Demokratika qed tipproponi li l-kunsilli jkunu verament tar-residenti. Għalhekk, nappellaw lir-residenti sabiex jivvutaw għal konsistenza, serjetà u integrità; sabiex it-toroq tagħna jerġgħu jsiru tan-nies, tal-komunità, u mhux tal-iżviluppaturi li kissruhom; favur trasport pubbliku aħjar, faċilitajiet għar-roti u l-pedestrians; favur enerġija nadifa fit-toroq, il-ġonna u l-bini tal-kunsill; favur kunsilliera li jiddefendu kif dejjem għamlu spazji miftuħa; favur skemi ta’ riċiklaġġ aħjar; favur bon viċinanza sabiex ir-residenti iħossuhom sikuri f’darhom.

Kunsilliera ta’ Alternattiva Demokratika huma kburin bil-lokalitajiet tagħhom, u għalhekk lesti jaħdmu ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba, minn kunsilliera oħra, sa għaqdiet tal-volontarjat. Lesti joħorġu għonqhom, għax hekk ħaqqhom ir-residenti.

Għalhekk, il-messaġġ tiegħi hu li wieħed jista’ jagħżel li ma jaħlix il-vot. Għal kunsilli verament tar-residenti, wieħed jista’ jagħżel, b’kurraġġ u b’sens ta’ ottimiżmu, lill-kandidati ta’ Altrernattiva Demokratika. Inħeġġeġ lill-votanti sabiex imbagħad ikomplu fuq kandidati oħra li verament lesti jagħtu sehemhom lil-lokalità.

Bħala Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika, u bħala kandidat f’Tas-Sliema, nixtieq insellem u nirringrazzja lill-kandidati l-oħra ta’ AD li għażlu li jmiddu għonqhom għax-xogħol: Ralph Cassar (Ħ’Attard); Yvonne Arqueros Ebejer (San Ġiljan); Simon Galea (San Pawl il-Baħar); Solange Sant Fournier (Swieqi); Leonard Schembri (Gżira); Michael Bajada (Munxar); Henrik Piski (Ħal Qormi); Robert Callus (Mosta); u Andrè Vella (Ħal Balzan).

Michael Briguglio huwa ċ-Ċermen ta’ Alternattiva Demokratika.

No comments: