Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Sunday, October 09, 2011

Opportunitajiet mill-kriżi ekonomika

Michael Briguglio

Il-Gens Illum

8 ta'Ottubru 2011
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=10926

L-ekonomija Ewropea tinsab fi żmien diffiċli, iżda dan jista’ jsarraf f’opportunitajiet sabiex l-Unjoni Ewropea tirkupra. Biex dan iseħħ hemm il-ħtieġa ta’ deċiżjonijiet politiċi ċari, ibbażati fuq il-prinċipji ta’ solidarjetà, sostenibilità u l-għaqda Ewropea. Fost dawn, hemm il-ħtieġa li ekonomiji bi problemi serji jiġu megħjuna, u li tiddaħħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji.

L-għajnuna li għandha bżonn il-Greċja mhux biss tista’ sservi biex jiġi evitat kollass tal-ekonomija Griega, imma tgħin ukoll biex iġġib stabilità fiż-żona Ewro inġenerali. Jekk ma jkunx hemm stabilità fiż-żona Ewro, tista’ tonqos il-kunfidenza ta’ dawk li jinvestu, b’riperkussjonijiet negattivi ferm.

Fl-istess ħin, iżda, jeħtieġ li l-UE ddaħħal fis-seħħ mill-iktar fis regoli sabiex il-pajjiżi msieħba – u speċjalment dawk fiż-żona Ewro – ikollhom jaderixxu ma’ dixxiplina finanzjarja u ma’ sostenibilità soċjali, ekonomika u ekoloġika.

Huwa fl-interess ta’ kull min qiegħed fiż-żona Ewro – inkluż Malta – li jkun hemm l-istabilità ekonomika u finanzjarja. L-alternattiva għal dan hi triq oħra fejn il-Greċja titħalla tikkollassa, b’riperkussjonijiet negattivi bħal żieda fil-faqar, qgħad u instabilità, anki lil hinn mill-fruntieri tal-Greċja.

Alternattiva oħra hi li tiżżarma ż-żona Ewro u nerġgħu nersqu lejn sistema ta’ muniti nazzjonali, bħalma qed jipproponu xi ewro-xettiċi. Din l-għażla tfisser li d-drittijiet li kisbu ċittadini Ewropej f’affarijiet relatati mal-ekonomija, iċ-ċaqliq ħieles, u oħrajn, jisparixxu fix-xejn.

Dan ifisser ukoll li Malta titlef il-vantaġġi ta’ sħubija f’suq ħieles b’regoli ċari. Ikollna ‘sovranità’ falza, għax ma nkunux fuq l-istess mejda ta’ sħab Ewropej. Minflok, inkunu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni bla rażan ma’ pajjiżi oħrajn, f’kuntest ta’ nazzjonaliżmu egoista, ’il bogħod mis-solidarjietà.

Permezz ta’ dan, l-UE tiddgħajjef, għall-vantaġġ ta’ forzi globali oħrajn bħall-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina, l-Indja u r-Russja. Nistaqsi jekk huwiex dan li jridu l-Ewro-xettiċi, meta l-UE, bid-difetti kollha tagħha, u bid-differenzi kollha fi ħdanha – hi karatterizzata minn politika soċjali, ambjentali u ekonomika ferm iktar progressiva minn dik tal-forzi li għadni kif semmejt.

Il-kriżi ekonomika turina li għandna bżonn iktar u mhux inqas integrazzjoni fl-UE.

Il-mudell Ewropew ta’ solidarjetà għandu jissaħħaħ mhux biss għall-istabilità ekonomika, iżda wkoll sabiex ikun hemm iktar livellar u ugwaljanza bejn ir-reġjuni varji.

Eżempju ta’ din it-tip ta’ politika hi dik ta’ fondi Ewropej bħal dawk ta’ koeżjoni u dawk strutturali. Tajjeb ninnutaw li skond figuri tal-UE, bejn l-2004 u l-2010,
Malta s’issa daħlet €354 miljun ta’ fondi Ewropej iktar milli ħarġet.

B’iktar integrazzjoni Ewropea jkun hemm ukoll iktar dixxiplina f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bbaġitjar tal-Gvernijiet, u b’hekk nevitaw sitwazzjonijiet fejn Gvernijiet individwali jimxu b’mod irresponsabbli fil-politika finanzjarja u ekonomika tagħhom.

Fuq kollox, b’iktar integrazzjoni Ewropea, nersqu iktar viċin ta’ sitwazzjoni ta’ drittijiet u dmirijiet indaqs bejn ħaddiema, investituri, negozjanti u konsumaturi fl-UE.

Hemm min jgħid li iktar integrazzjoni Ewropea hi ta’ żvantaġġ għal pajjiż żgħir bħal Malta, hekk kif, per eżempju, permezz ta’ rati ta’ taxxi relattivament baxxi, qed nattiraw investiment fl-oqsma finanzjari u tal-gaming. Iżda, tajjeb wieħed iżomm f’moħħu li dan it-tip ta’ investiment jista’ jiġi u jmur f’radda ta’ salib, hekk kif pajjiżi oħrajn jiddeċiedu li jaġġustaw ir-rata ta’ taxxa tagħhom.

Filwaqt li hu tajjeb li ma ngerxux investiment, ikun ferm għaqli jekk isir sforz ikbar biex ikun hemm investiment iktar sostenibbli u li hu dejjiemi, u mhux li sempliċiment jiddependi mir-rata ta’ taxxa. Eżempju ta’ dan hu investiment f’oqsma karatterizzati minn ‘green jobs’, bħall-enerġija nadifa; immaniġġjar tal-iskart, informatika u agrikoltura sostenibbli.

F’dan il-kuntest, u fid-dawl ta’ żviluppi mill-iktar riċenti fl-UE, nittama li l-Gvern Malti jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea favur taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji. Din it-taxxa, li hi appoġġjata wkoll minn bosta partiti politiċi fl-UE, fosthom il-Ħodor, tgħin biex tiġġenera qligħ li jkun jista’ jintuża biex tissaħħaħ l-ekonomija Ewropea. Huwa stmat li taxxa bħal din tkun tista’ tiġġenera sa €55 biljun fis-sena.

Wasal iż-żmien li banek u istituzzjonijiet finanzjarji jerfgħu parti mill-piż tal-kriżi ekonomika speċjalment meta huma stess irċevew għajnuna kbira minn fondi pubbliċi meta kellhom bżonn. Jekk il-ħaddiema u min iħaddem qed iħallsu t-taxxi biex isaħħu l-ekonomija u l-istabilita’ soċjali, jagħmel sens li l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji jagħmlu l-istess.


Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin u Kelliem għall-Ekonomija u Finanzi – Alternattiva Demokratika.

www.alternattiva.org.mt

No comments: