Sociologist, local councillor, activist from Malta

Saturday, September 03, 2011

Jottijiet u ghawwiema

Michael Briguglio

Il-Gens Illum 3 ta'Settembru 2011
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=10240


Il-baħar u l-bajjiet mhumiex ħielsa mill-politika. Tul dawn l-aħħar snin pajjiżna ra l-iżvilupp ta’ bosta yacht marinas, li huma sors ta’ dħul għall-ekonomija Maltija, u għalhekk jistgħu jkunu ta’ importanza għall-pajjiż.

Iżda dawn iġibu magħhom ukoll numru ta’ kontroversji ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

Fuq livell ekonomiku, hemm min jgħid li l-iżvilupp ta’ yacht marinas imur kontra interessi ekonomiċi oħra bħal dawk ta’ sajjieda li joperaw b’metodi tradizzjonali fl-istess żoni. Fuq livell ambjentali, jista’ jkun li l-iżvilupp ta’ yacht marinas jeqred abitat naturali, bħalma huma posedonia meadows li fihom il-ħut jirriproduċi ruħu. Fuq livell soċjali, yacht marina ħafna drabi twassal għal nuqqas ta’ drittijiet ta’ għawwiema fil-viċin.

Mill-Portomaso sa Ħondoq ir-Rummien, Malta ma kinetx nieqsa mill-kontroversja konnessa mal-yacht marinas.

Fil-każ ta’ Ħondoq ir-Rummien, dan l-aħħar Alternattiva Demokratika ħeġġet lill-Bord tal-MEPA sabiex tapprova r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Ambjent u tirrifjuta l-iżvilupp propost ta’ villaġġ turistiku u yacht marina f’dan il-lokal. L-iżvilupp propost iġib miegħu impatti soċjali u ambjentali negattivi, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-għawwiema f’din il-bajja hekk popolari.

Flimkien ma’ NGOs u l-Moviment Ħarsien Ħondoq, Alternattiva Demokratika huwa l-uniku partit politiku li ilu jopponi dan l-iżvilupp minn meta ġie propost. Kien tassew pass pożittiv meta l-oġġezzjonijiet tagħna u ta’ oħrajn sabu l-appoġġ tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Ambjent, u huwa propju għal din ir-raġuni li qed nappellaw lill-Bord tal-MEPA biex tingħalaq din l-istorja darba għal dejjem. Fl-istess ħin, aħna favur proposti sabiex tissebbaħ il-bajja u ż-żona għall-benefiċċju tal-pubbliku. Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju ekonomiku wkoll, fid-dawl tal-politika ta’ eko-Għawdex.

Żona oħra li qed tara żieda fil-jottijiet hija l-bajja f’Tas-Sliema fl-inħawi ta’ Tignè, faċċata ta’ Marsamxett, ħdejn il-lukanda Fortina. Wara li kienet operata mill-Awtorità Marittima u mill-Awtorità tat-Trasport, inħarġet sejħa sabiex operatur privat jieħu ħsieb iż-żona.

Bosta residenti Slimiżi ilhom imorru jgħumu fil-viċinanzi għal numru ta’ snin. Tul is-snin kien hemm diversi attentati biex l-aċċess għall-bajja jkun iktar diffiċli, u issa hemm min qed jappella sabiex il-yacht marina ma tibqax tikber sabiex b’hekk, dawn l-inħawi jibqgħu tajbin għall-għawm. Alternattiva Demokratika taqbel ma’ dan is-sentiment.

Tkun idea tajba li l-awtoritajiet konċernati jikkonsultaw b’mod estensiv mal-kunsilli lokali, residenti u għaqdiet non-governattivi sabiex pajjiżna jkollu bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa ekonomika li jkollna l-yacht marinas, u l-ħtiġijiet soċjali, ambjentali u anki ekonomiċi li jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv kaġun ta’ ppjanar mhux xieraq.

Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin u Kelliem għall-Ekonomija u Finanzi – Alternattiva Demokratika

www.alternattiva.org.mt

No comments: