Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, August 06, 2011

Mill-Marsa sax-Xemx


Michael Briguglio

Il-Gens Illum 6 ta'Awwissu 2011
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=9709


Kulħadd jaf kemm qed toħloq tniġġiż il-Power Station tal-Marsa. Kulħadd jaf ukoll li ilna snin twal niġu mwiegħda mill-Gvern li dan il-power station jingħalaq. L-ewwel kellu jingħalaq fl-1995, mal-iżvilupp tal-ewwel impjant f’Delimara. Imbagħad kellu jingħalaq meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea. Sal-lum il-ġurnata, din il-power station baqgħet topera iktar milli suppost, u l-Kummissjoni Ewropea qed tikkunsidra passi legali kontra Malta.

Il-Gvern Nazzjonalista jidher li ma tantx għandu għaġġla biex jagħlaq din il-power station. Iżda għall-kuntrarju, qed jgħaġġel ferm fuq it-tkabbir tal-power station ta’ Delimara, u qed jistenna li ma jkunx hemm evalwazzjoni u kritika dwar dan il-proċess. Wieħed jista’ jsemmi bosta raġunijiet għal din l-għaġġla, iżda żgur li waħda minnhom hi li l-Gvern ma ppjanax sew l-għeluq tal-power station tal-Marsa.

Sfortunatament, jidher li dan il-Gvern ma jippjanax sew fit-tul f’dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija. Is-sinjali kollha kienu juru li d-domanda għall-enerġija se tibqa’ tikber, iżda l-Gvern baqa’ ma jagħtix prijorità lil din il-kwistjoni. Ministru wara l-ieħor baqa’ jħaddan il-politika ta’ dipendenza totali fuq l-enerġija maħmuġa miż-żejt, meta dan tal-aħħar qed isir iktar skars u iktar għoli fil-prezz.

L-impjant il-ġdid f’Delimara se jibqa’ juża din it-tip ta’ enerġija, sakemm xi darba jaqleb għall-gass. Fl-istess ħin, Malta tinsab tard ukoll fil-proġett li permezz tiegħu pajjiżna jingħaqqad mal-grid Ewropew tal-enerġija b’konnessjoni mal-Italja.

Nibqa’ sal-lum skantat kif il-Gvern ma jagħtix prijorita użu effiċjenti tal-enerġija u għall-enerġija nadifa li nistgħu nġibu minn sorsi bħax-xemx u r-riħ. Minkejja li daħħal xi miżuri pożittivi, u minkejja l-pjanijiet għall-proġetti kapitali f’dan ir-rigward, Malta tibqa’ lura ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea.

Bħala membru tal-UE, Malta għandha l-obbligu li tipproduċi 10 fil-mija tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli sal-2020, u tista żżid l-emissjoni CO2 b’ħamsa fil-mija biss sal-istess sena, meta mqabbla mal-2005.

Għalhekk, nistenna li l-baġit li ġej jinkludi mhux biss xi inizjattivi sporadiċi u xi pjanijiet fuq il-karta, iżda li jkun hemm politika ħolistika li verament tagħti prijorità lil dan is-settur. B’hekk, Malta tkun tista’ tnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija maħmuġa, u dan ikun ta’ benefiċċju ambjentali u ekonomiku.

Il-Gvern għandu jagħti prijorità lill-proġetti kapitali u lill-miżuri u nċentivi fiskali ħolistiċi u mhux restrittivi. Nawgura li n-nefqa tal-Gvern tkun waħda xierqa u mhux waħda ċerimonjali.

Nawgura ukoll li l-Gvern jirrevedi politika kontradittorja f’dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar. Biex nagħti eżempju wieħed, il-bjut ta’ appartamenti ġodda qed jintużaw eskussivament għall-penthouses, għad-detriment ta’ min jixtieq jagħmel użu mill-enerġija tax-xemx.

Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin u Kelliem għall-Ekonomija u Finanzi ta’ Alternattiva Demokratika

No comments: