Dad, political sociologist, local councillor, drummer from Malta

Saturday, July 09, 2011

Il-Patt Ekonomiku

Michael Briguglio

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=9192
Il-Gens Illum 9 ta’ Lulju 2011


Fit-23 ta’ Ġunju, il-Parlament Ewropew approva pakkett ta’ governanza ekonomika li se jiġi diskuss mal-Kunsill tal-Ministri. Dan il-pakkett jittratta r-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi tal-Ewro. Il-Partit tal-Ħodor Ewropej, li miegħu hija msieħba l-Alternattiva Demokratika, jaqbel ma’ xi elementi tal-pakkett, iżda ma jaqbilx ma’ oħrajn.

Meta faqqgħet il-kriżi tal-Ewro, kien jidher b’mod ċar li pajjiżi membri fl-UE ma kinux qed jiġu kkastigati meta jmorru kontra r-regoli finanzjarji, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu mad-dejn pubbliku.

F’dan ir-rigward, il-patt ekonomiku qed jipproponi tnaqqis fin-nefqa pubblika permezz ta’ miżuri ta’ awsterità li x’aktarx jimpattaw lill-persuni l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà. Filwaqt li hu tajjeb li n-nefqa pubblika tkun sostenibbli, jista’ jkun hemm miżuri oħrajn li jibbilanċjaw id-dħul u n-nefqa, bħal m’huma t-taxxi progressivi. Dawn żgur huma iktar soċjalment ġusti minn miżuri li jikkastigaw lil min qiegħed f’qagħda prekarja.

Tajjeb ukoll li jkun hemm iktar armonija fiskali bejn il-pajjiżi fl-UE f’oqsma bħat-tassazzjoni fuq it-tranżizzjonijiet finanzjarji, l-evażjoni tat-taxxa u t-taxxi ambjentali.

Fl-istess ħin, filwaqt li hu importanti li l-UE tiżgura li l-pajjiżi msieħba jkunu dixxiplinati fil-finanzi tagħhom, għandu jkun hemm l-istess tip ta’ dixxiplina f’dak li għandu x’jaqsam ma’ politika dwar il-faqar, xogħol, edukazzjoni, riċerka u tibdil fil-klima fost oħrajn.

Sfortunatament, din il-proposta tal-Ħodor ma ġietx milqugħa mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE u mill-maġġoranza tal-Parlament Ewropew, li jinkludi l-Partit Popolari, li miegħu hu msieħeb il-Partit Nazzjonalista.

Min-naħa l-oħra, il-Patt Ekonomiku jipproponi titjib f’affarijiet bħall-monitoraġġ tad-dejn tas-settur privat, l-ispekulazzjoni fl-ekonomija u l-inugwaljanza ekonomika.

L-ikbar problema f’dak li għandu x’jaqsam mal-patt ekonomiku hu li bħalissa l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri huma kollha kkaratterizzati minn maġġoranza li tiffavorixxi politika ekonomika neo-liberali.

Għalhekk, qegħdin jipprovaw jimponu miżuri ekonomiċi li x’aktarx se jżidu l-faqar fl-UE.

Minflok, l-istituzzjonijet Ewropej u l-pajjiżi msieħba fl-UE, jistgħu jipproponu politika ekonomika li hi bbżata iktar fuq il-valur miżjud li joħolqu l-ħaddiema, f’kuntest ta’ żvilupp sostenibbli fl-oqsma soċjali, ambjentali u ekonomiċi. Il-Ħodor Ewropej huma favur din it-tip ta’ politika.

F’dan ir-rigward, l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ u f’oqsma li iktar ma jmur, iktar m’huma se jsiru importanti – bħall-enerġija rinnovabbli – hija essenzjali. Tajjeb ukoll li l-UE jkollha politika barranija iktar progressiva li permezz tagħha tiddefendi l-kisbiet soċjali li saru tul is-snin u ma tiffavorixxix pajjiżi jew blokok ekonomiċi li huma kkaratterizzati minn politika ekonomika li tiġi taqa’ u tqum mill-inugwaljanzi ekonomiċi, il-faqar u l-qerda ambjentali.

Michael Briguglio huwa ċ-Ċerpersin u Kelliem għall-Ekonomija u Finanzi ta’ Alternattiva Demokratika.

No comments: